Il-Gvern għadu mimli ottimiżmu u enerġija – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern jinsab mimli ottimiżmu u enerġija biex iwettaq il-wegħdiet kollha li fadal.
Waqt l-intervent tiegħu fir-Rabat, Dr Muscat spjega li fit-tieni parti tal-mandat tal-gvern irid jara li t-tajjeb fl-ekonomija jasal għand aktar nies.
Dr Muscat qal li  matul l-ewwel sentejn u nofs “għamilna żbalji wkoll” u li “rridu b'umiltà kbira nirranġaw l-iżbalji tagħna, imma wkoll nibqgħu niksbu r-riżultati b'aktar determinazzjoni minn qatt qabel”.
Saħaq li jaf li għad hawn nies foqra, nies li ma jgħixux f'post diċenti u ħaddiema li ma jiħdux paga xierqa.
Dr Muscat qal li jifhmihom lil dawn in-nies u li għan tal-Gvern hu li joħroġ in-nies mill-faqar u jtella’ liż-żgħir 'il fuq u joħloq middle class ġdida.
F’kumment dwar l-ewwel sentejn u nofs tal-Gvern, Dr Muscat qal li l-Gvern irnexxielu jkabbar l-ekonomija, iżid ix-xogħol, inaqqas id-defiċit u jdaħħal childcare b'xejn.
B’referenza għall-Enemalta, Dr Muscat qal “minbarra li sar l-akbar ammont ta' investiment li qatt kellna fl-enerġija, għandna l-aktar enerġija nadifa u raħħasna l-kontijiet”.
Żied jgħid li r-riforma li jmiss hija dik fl-Air Malta.
Fl-aħħar nett huwa fakkar li “filwaqt li qabel kien ikun hawn bejn 50 u 60 persuna b'diżabilità li jidħlu fid-dinja tax-xogħol kull sena, issa din iċ-ċifra telgħet għal 400”.