Il-Gvern għadu ma waqqafx it-taskforce imwegħda dwar il-Brexit

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal fil-Parlament li l-Gvern għadu ma waqqafx it-taskforce imwegħda dwar il-Brexit.
Huwa qal dan waqt dibattitu li segwa mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech.
Fit-tweġiba tiegħu, Bartolo qal li Malta minn dejjem kellha l-aħjar relazzjonijiet mar-Renju Unit. Qal ukoll li l-mira tal-Gvern hi li Malta tieħu sehem attiv fin-negozjati dwar Brexit biex jitħarsu l-interessi ta’ Malta u l-Maltin. Tenna li l-gvern huwa impenjat li jwaqqaf Brexit task force bil-għan li tistudja kull opportunità possibbli li Brexit tista’ ġġib lejn pajjiżna, filwaqt li tilqa’ l-isfidi li joħorġu minn dan il-proċess. 
Bartolo sostna li l-analiżi dwar bl-impatt u l-opportunitajiet ta’ Brexit fuq Malta qed isiru iżda m’huwiex prudenti li f’dan l-istadju l-Gvern jippubblika r-riżultati ta’ l-analiżi tiegħu.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario DeMarco staqsa għalfejn il-Gvern ilu iktar minn sena minn meta r-Renju Unit ivvota favur Brexit biex iwaqqaf din it-task force, u x’qiegħed iżomm lill-Gvern milli jagħmel dan.
Bartolo wieġeb li l-Gvern ma għandux bżonn taskforce formali, u sostna li sar ħafna xogħol b’mod speċjali f’oqsma sensittivi bħal dak tas-swieq finanzjarji. Fl-istess ħin saħaq li l-Gvern Malti huwa kommess li Malta ma taddottax approċċ predatorju biex tattira kumpanniji lejn Malta bħal ma qed jagħmlu xi pajjiżi oħra fosthom il-Lussemburgu.