“Il-Gvern għadu ċass quddiem is-sitwazzjoni fil-kostruzzjoni” – L-Oppożizzjoni

rawpixel.com

Read in English.

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex jieħu azzjoni konkreta fuq is-settur tal-kostruzzjoni għaliex skontha, baqa’ ċass quddiem din is-sitwazzjoni minkejja l-inċidenti li kien hemm u l-fatt li f’wieħed minnhom kien hemm fatalità.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura Toni Bezzina u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kostruzzjoni Kevin Cutajar, ingħad li l-Oppożizzjoni taqbel mal-Kamra tal-Periti li sena wara li l-Gvern wiegħed riforma fil-qasam tal-kostruzzjoni baqa’ ma sar xejn.

L-Oppożizzjoni qalet li minkejja l-wegħdiet tal-Gvern, “xejn minn dan ma mmaterjalizza, anzi għadu lanqas ħadem sabiex jipprovdi biżżejjed riżorsi lill-awtoritajiet diġa eżistenti. Riżorsi umani, materjali u finanzjarji huma meħtieġa sabiex isir l-infurzar tar-regolamenti f’siti ta’ kostruzzjoni, u b’hekk nipprovdu aktar serħan il-moħħ għal kull min jgħix maġenb sit ta’ kostruzzjoni.”

Ilbiraħtlula l-Kamra tal-Peritit bagħtet ittra lill-Prim Minsitru Robert Abela biex tfakkru dwar dak li kien wiegħed il-Gvern Laburista. Il-Kamra qalet li ma tistax tifhem kif din l-industrija titwarrab min-naħa tar-regolazzjoni però mbagħad titpoġġa fuq quddiem mill-aspett ekonomiku. Saħqet li din l-attitudni li kollox jgħaddi qed iwassal għall-imwiet tan-nies.

Wara li madwar ġimagħtejn ilu, ħaddiem tilef ħajtu fuq xogħol f’sit tal-kostruzzjoni, bint Miriam Pace, li wkoll inqatlet meta ġġarrfet id-dar tagħha fil-Ħamrun waqt li kien hemm xogħol ta’ kostruzzjoni għaddej ħdejha, staqsiet min jonqsu jitlef ħajtu biex l-awtoritajiet jieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà.