​Il-Gvern għaddej b’95 proġett infrastrutturali madwar Malta

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li l-Gvern bħalissa qed jaħdem fuq 95 proġett ta’ xogħlijiet u infrastruttura madwar Malta u Għawdex b’investiment totali ta’ €42 miljun.
Waqt żjara f’Ħal Qormi, il-Ministru Borg saħaq li l-gvern jibqa’ impenjat b’investiment favur il-komunitajiet u li l-kunsilli lokali jibqgħu prijorità. 
Fakkar fil-wegħda elettorali għall-proġett tas-€700 miljun, li qal se jwassal għat-twaqqif ta’ Aġenzija tal-Infrastruttura biex tnaqqas minn fuq spallejn il-kunsilli lokali r-responsabiltajiet tat-toroq. 
Kien hemm preżenti s-Sindku ta’ Ħal Qormi Jesmond Aquilina li qal li l-proġett se jiswa mal-€40,000 fejn parti mitluqa se tinbidel f’parkeġġ organizzat u spazju miftuħ li jista’ jitgawda mir-residenti.
Ritratt: DOI – Kevin Abela