Il-Gvern Franċiż jordna curfew f’Pariġi u bliet oħra

Polymagou / Wikimedia Commons / CC BY-SA 4.0

Franza imponiet curfew fuq Pariġi u tmient ibliet oħra minn nhar is-Sibt li ġej.

“Irridu nieħdu azzjoni. Irridu nwaqqfu l-firxa tal-virus.” Qal il-President Emmanuel Macron matul intervista fuq it-televiżjoni, meta ħabbar li dan il-curfew bejn id-9pm u s-6am se jibqa’ fis-seħħ tal-anqas għal erba’ ġimgħat, ħlief għal raġunijiet essenzjali.

“Se jkollna nibqgħu niġġieldu kontra dan il-virus tal-anqas sas-sajf tal-2021,” qal Macron, u żied jgħid li “x-xjentisti” kollha kienu qed jaqblu dwar dan il-punt.

Bliet oħra ewlenin fi Franza bħal Lyon, il-port Mediterran ta’ Marseille u Toulouse fil-lbiċ tal-pajjiż ukoll se jimponu curfews simili, fejn se jkunu affettwati madwar 20 miljun persuna b’kollox, minn popolazzjoni totali ta’ 67 miljun persuna.

Macron qal li l-każijiet il-ġodda tal-coronavirus ta’ kuljum iridu jitniżżlu għal “bejn 3,000 u 5,000 każ” mil-livelli attwali, li telgħu għal madwar 27,000.

“Mhux se nitilqu minn ristoranti wara d-9pm,” qal Macron, “Mhux se jkun hemm aktar ħruġ mal-ħbieb għax nafu li dawn huma l-postijiet fejn hemm l-akbar riskju ta’ kontaminazzjoni.”

Ftit minuti qabel l-aħbar ta’ Macron, il-gvern tiegħu qal li kien se jtawwal l-istat ta’ emerġenza tas-saħħa, fejn kienet se tingħata setgħa akbar biex jiġu imposti miżuri ġodda li jillimitaw il-firxa tal-pandemija.

Hu ħeġġeġ lil kulħadd biex jillimita l-ammont ta’ persuni fid-djar għal sitt persuni, u wissa biex jintlibsu l-maskri f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Kull  min jinstab barra matul il-ħin tal-curfew mingħajr awtorizzazzjoni speċjali se jiġi mmultat €135, u s-somma titla’ għal għaxar darbiet aktar għal dawk li jinqabdu jerġgħu jiksru r-regoli, qal Macron.

Huwa temm jgħid li 32% mill-5,000 post disponibbli fil-kura intensiva ta’ Franza bħalissa kienu qed jintużaw għall-pazjenti bil-coronavirus, proporzjon li għandha “titnaqqas għal tal-anqas 10-15%.”