Il-Gvern falla fl-edukazzjoni – Repubblika

"Se nitilfu generazzjoni ta' studenti"

Miguela Xuereb

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Repubblika qalet li tinsab kkonċernata dwar it-tmexxija tal-Gvern fis-settur edukattiv matul il-pandemija tal-Covid-19.

Fi stqarrija li ġiet ippubblikata s-Sibt, għaqda qalet li hija tinsab konċernata li l-falliment tal-Gvern qed iwassal biex mhux it-tfal kollha jkollhom opportunitajiet indaqsui jiddependi skont minn liema skola jattendu iġifieri jekk hux tal-istat, tal-knisja, jew indipendenti u skond ir-riżorsi li l-iskola jkollha.

Repubblika qalet li huma jinsabu mħassba minħabba li dan qiegħed  jiġri fis-snin kruċjali tal-formazzjoni tat-tfal li jista’ jkollha impatt fuqhom tul ħajjithom. Żiedu li huma jemmnu li meta d-demokrazija tonqos milli toffri edukazzjoni lil kulħadd, hija d-demokrazija li tista’ twassal għal falliment totali.

L-edukazzjoni hija dritt universali għat-tfal kollha

Repubblika qalet li l-edukazzjoni għandha tkun l-element li jwassal għall-ugwaljanza bejn kulħadd. Żiedu li huma mhux jissuġġerixxu li l-gvern għandu xi ħtija għall-isfidi tal-pandemija tal-Covid-19 u jsostnu li l-gvern mhux biss huwa responsabbli li jassigura li t-tfal ma jiġux infettati mill-virus, imma wkoll li l-passi li jittieħdu biex ma jiġux infettati ma jwasslux li dawn ma jirċevux l-edukazzjoni li għandhom dritt għaliha.

L-għaqda qalet li jafu biċ-ċert li xi għalliema fl-iskejjel tal-knisja u oħrajn, minkejja d-direttivi tal-unions tagħhom qegħdin isostnu li għandhom jiġu kkumpensati għax-xogħol żejjed u komplew jaħdmu biex jagħtu t-tagħlim lit-tfal li baqgħu d-dar.

Hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet oħra

L-għaqda qalet li l-lezzjonijiet irrekordjali minn qabel mhux tajbin għal kulħadd u hemm bżonn li jinsabu soluzzjonijite oħra għal dawk it-tfal fejn il-pre-recording mhuwiex adegwat jew fejn hemm nuqqas ta’ għarfien fl-IT jew nuqqas ta’ tagħmir adegwat fid-dar u dan qiegħed ixekkel lit-tfal milli jkollhom r-riżorsi edukattivi li jeħtieġu.

Żiedu li huma jinsabu konxji li hemm ġenituri li biex jippruvaw jikkumpensaw għan-nuqqasijiet fit-tagħlim tagħhom qegħdin jonfqu iktar biex it-tfal tagħhom jirċievu tagħlim privat online. Hemm każijiet fejn din l-ispiża hija ħafna aktar milli bosta familji jistgħu jonfqu, u din ma jkunx hemm bżonnha li kieku l-istat qed jipprovdi il-curriculum sħiħ kif obbligat li jagħmel.

L-indifferenza tal-Gvern lejn dawn il-problema hija inaċċettabli

Repubblika qalet li l-gvern wera ineffiċjenza fil-mod kif mexa dwar kif l-iskejjel għandhom jikkontrollaw il-virus. Żiedu li l-waqfien għas-sajf inħela minħabba d-dewmien jew in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-istruzzjonijiet  tħallew għall-aħħar mument eżatt qabel ma fetħu l-iskejjel u ġew mibdula drammatikament, ta’ malajr u ripetutament.

L-għaqda mhux governattiva qalet li dan ħoloq sitwazzjoni ħafna aktar diffiċli milli kellha tkun sabiex dawk li jamministraw l-iskejje lsetgħu jkollhom kollox f’postu għall-istudenti tagħhom. Huma komplew li dan ħoloq inċertezzi u dewmien inaċċettabli għall-ftuħ tal-maġġoranza tal-iskejjel.

Komplew li l-ħrafa li d-deċiżjonijiet tad-dipartiment tal-edukazzjoni qegħdin iħallu t-tfal ‘jissoċjalizzaw’ anke waqt iż-żminijiet tal-Covid teżisti biss fl-immaġinazzjoni tad-dipartiment. Fil-parti kbira tal-iskejjel, it-tfal mhumiex qegħdin jagħmlu xogħol prattiku u l-ebda arti, ħlief dik li jistgħu jibdew u jispiċċaw fuq l-imwejjed tagħhom.

Żiedu li f’ċerta skejjel, it-tfal ftit li xejn għandhom opportunità li jitkellmu b’mod informali ma’ ħbiebhom, lanqas waqt il-ħin ta’ rikreazzjoni, għaliex iridu jibqgħu jieklu bilqiegħda. Huma enfassizzaw li fil-maġġoranza tal-iskejjel m’hemm l-ebda attività extra-kurrikulari, l-ebda kunċert, l-ebda logħob, xejn li jista’ jissejjaħ edukazzjoni li jieħdu pjaċir bih.

Jidher biċ-ċar li hemm nuqqas ta’ tmexxija

Repubblika qalet li d-dipartiment tal-edukazzjoni ma jistax jibqa’ jfarfar mir-responsabbilità tiegħu biex jinforza l-edukazzjoni obbligatorja. Żiedu li fiċ-ċirkostanzi attwali jippretendu li d-dipartiment għandu jkollu rendikont ċar tal-istudenti kollha li ma jistgħux jattendu l-iskola, li jikkuntattja l-familji tagħhom direttament, u li jipprovdi b’kull mezz neċessarju, b’servizzi edukattivi li huma tal-inqas l-istess bħal dawk li qegħdin jirċievu sħabhom fil-klassi.

L-għaqda qalet li l-pressjonijiet inevitabbli taċ-ċirkostanzi attwali m’għandhomx jiġu riżolti billi jitħaffef il-curriculum tal-iskola. Qalu li l-gvern ħeles minn dawk is-suġġetti “anqas importanti” bħall-mużika, arti, teatru jew disinn tekniku u dan ifisser biss li se t-tfal se jkunu inqas edukati.

Huma qali li ma jixtiqux li jidhru li mhumiex jirrikonoxxu kemm hi kbira l-isfida għall-awtoritajiet tal-edukazzjoni. Żiedu li jafu li hemm eluf ta’ għalliema u edukaturi oħra, eluf ta’ ġenituri, u eluf ta’ studenti akbar fl-età li qegħdin jgħinu lil ħuthom iż-żgħar fid-dar, kif ukoll mijiet ta’ kapijiet tal-iskejjel u amministraturi qegħdin jaħdmu lejl u nhar biex jgħinu it-tfal jgħaddu minn din il-pandemija mingħajr ma jitilfu kemm jista’ jkun mill-edukazzjoni tagħhom.

L-għaqda qalet li qegħdin josservaw nuqqas kbir ta’ tmexxija mill-awtoritajiet u ilhom xhur ma jisimgħu lill-Prim Ministru jiddiskuti l-edukazzjoni.