​Il-Gvern falla fl-ikbar proġett li wiegħed – George Pullicino

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni George Pullicino akkuża lill-Ministru Konrad Mizzi u lill-Prim Ministru li “fallew mill-ikbar proġett li wegħdu” li kellu jitlesta sa 99 jum ieħor, li gidbu l-ħin kollu u b’mod ripetut li l-proġett tal-powerstation kien on track, u li ħbew kontinwament.
Saħaq li dan kien proġett li l-Partit Laburista uża biex “ibiegħ il-prodott” imma li mill-bidu nett kien jaf li ma kienx kapaċi jwettaq. Saħaq li min m’għandux x’jaħbi, jinforma.
Fakkar li Konrad Mizzi kien wiegħed li kellu jasal għal prezz fiss taż-żejt għal 10 snin meta dan sar għal 5 snin u li l-powerstation kellha tinqaleb għall-gass meta għadha s’issa taħdem bil-Heavy Fuel Oil. Fakkar li l-Prim Ministru kien qal li se jirriżenja jekk il-proġett ma jsirx u sal-lum ħadd għadu ma jaf x’ġie miftiehem maċ-Ċiniżi u x’se jsir b’rabta mal-powerstation.
George Pullicino staqsa għaliex jekk kien hemm intopp wieħed, waqaf il-proġett sħiħ tal-powerstation, li ma jinkludix biss liċ-Ċiniżi imma wkoll lil Electrogas.
Spjega li x-xogħlijiet fuq is-sit tal-powerstation ilu wieqaf mill-inqas 3 ġimgħat waqt li staqsa x’tender ħareġ għal dan ix-xogħol.
Dwar l-interconnector, George Pullicino tenna li bħalissa l-elettriku jista’ jinxtara bi prezz orħos minn Sqallija minn dak li l-Gvern qed jgħid li se jixtri mill-powerstation tal-Electrogas.
Insista li Malta se jkollha ferm iktar elettriku ġġenerat milli għandha bżonn waqt li staqsa min se jixtri l-enerġija żejda ġġenerata f’Malta jekk diġà lill-pajjiż se tiswih ogħla minn dik ta’ Sqallija.
Saħaq li ladarba l-PN ikun fil-Gvern, mhux se jintrabat li jixtri l-elettriku mingħand Electrogas, waqt li akkuża lill-Gvern li mhux veru li se jagħti lill-poplu l-elettriku bl-irħas spejjeż possibbli.
Reġa’ staqsa meta se jitlesta l-istudju tal-vijabilità tal-pipeline tal-gass, li ngħata kważi sentejn ilu waqt li insista li l-partijiet tal-powerstation tal-Marsa li qed jiżżarmaw ilhom weqfin minn qabel l-aħħar elezzjoni.
Insista li l-prezz tal-fuels fis-suq internazzjonali illum hu l-orħos fl-aħħar ħames snin imma l-familji Maltin qed iħallsu prezzijiet ogħla. Dan ifisser li €6 minn €36 li persuna tagħti f’diesel lill-karozza tagħha, “huma għalxejn”. “L-istabilità mhix fil-prezz imma fis-serq”, saħaq George Pullicino.
Dwar is-serq tal-elettriku minn smart meters, Pullicino qal li għalih l-istorja bdiet wara stqarrija mill-Ministru Konrad Mizzi bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tiegħu. Akkuża lill-Gvern li ried jostor l-iskandlu, li sejjaħlu “erba’ skandli f’wieħed”, u li tkellem dwaru biss wara Mistoqsija Parlamentari tiegħu.
Qal li l-persuni li serqu d-dawl ikkommettew it-tieni reat, li kkorrompew lil ħaddieħor. It-tieni skandlu hu li l-Kap tal-Accounts tal-Enemalta kien involut; li tressaq il-Qorti b’akkużi ta’ serq ta’ dawl minn smart meter imbagħbas bħal li kieku kien biss konsumatur, mhux bħala uffiċjal pubbliku; u r-raba’ skandlu, li ħarġet amnestija għal min seraq id-dawl.
Ikkritika lil Konrad Mizzi li proġetti oħra mwegħda fl-aħħar Baġit baqgħu ma twettqux, fosthom energy lighting f’Għawdex u proġett ieħor f’San Vinċenz de Paule.
Akkuża lill-Gvern li jgħid li jrid jinkoraġġixxi lin-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol imma l-Korporazzjoni Enemalta neħħiet il-flexi-time mill-bieraħ.