Il-Gvern falla fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern Laburista b’falliment fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali għax l-applikazzjonijiet pendenti żdiedu mhux naqsu fl-aħħar sentejn.
Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali, Paula Mifsud Bonnici, u dak tal-Housing, Stephen Spiteri, il-PN qal li ż-żieda sostanzjali fl-applikazzjonijiet pendenti ġiet ikkonfermata fil-Parlament, u li minn Ġunju tal-2012 sal-lum, dawn laħħqu kważi 3,000.
L-Oppożizzjoni sostniet li l-Ministru Michael Farrugia għadu ma ppubblikax l-istrateġija l-ġdida dwar il-qasam tal-housing, minkejja li ilha titlobhielu waqt li sostniet li l-Gvern ma ntroduċa ebda skema ġdida imma għalaq skemi li kienu jitħaddmu qabel.
Il-PN sostna li l-uniku deċiżjoni mill-Gvern f’dan il-qasam kienet li jgħolli r-rati tal-kirjiet ta’ l-iktar jinsabu fil-bżonn waqt li tahom biss 58ċ. 

Reazzjoni Gvern
F’reazzjoni l-Ministeru għall-Familja qal li filwaqt li f’Ġunju ta’ 2012 il-lista ta’ stennija kienet dik ta’ 2,559, qabel il-bidla tal-Gvern din il-lista telat ’il fuq minn tlett elef.
L-istqarrija tgħid li l-unika skema, Skema Kiri, tal-Gvern Nazzjonalista, kienet skema fejn il-Gvern qed jikri numru ta’ appartamenti mingħand il-privat għal għaxar snin.
Il-Ministeru sostna li Skema Kiri mhijiex soluzzjoni dejjiema għall-inkwilini.