“Il-Gvern dispost għal suġġerimenti ta’ bdil għal-liġi tas-social workers”

Il-Gvern irreaġixxa għall-oppożizzjoni ta’ 18-il għaqda u tal-assoċjazzjoni Maltija tas-social workers dwar il-bdil proposti għal-liġi.
Il-Gvern sostna li hu dispost għas-suġġerimenti hekk kif spjega li l-liġi kif inhi bħalissa diġà għandha l-kawsola li tgħid li social worker irid jagħmel sentejn xogħol taħt superviżjoni qabel tinħariġlu l-warrant.
Fi stqarrija, il-Gvern spjega li bil-bidliet proposti se jkun importanti li social worker jistinka biex iġib il-warrant ħalli jkun jista’ jaħdem fis-setturi kollha tas-soċjetà, inkluż għal rasu fis-settur privat.
Qal li dan kollu juri rieda tajba biex il-klijenti jkunu protetti waqt li jingħataw servizz professjonali.
Fl-istqarrija tagħhom ilbieraħ, l-għaqdiet u l-assoċjazzjoni lmentaw mhux għas-snin t’obbligu li social worker irid jaħdem biex iġib il-warrant, imma li l-bidla fil-liġi kif qed tiġi proposta bħalissa tfisser li dawn is-snin iridu jsiru bil-fors ma’ aġenzija tal-Gvern.
Il-Gvern min-naħa l-oħra spjega li l-Ministru Michael Farrugia ltaqa’ mal-assoċjazzjoni tas-social workers u magħha diġà ddiskuta emendi possibbli għall-oġġezzjonijiet imqajma. Qal ukoll li meta l-abbozz ta’ liġi jkun fi stadju ta’ kumitat, ikunu jistgħu jiddaħħlu l-emendi li jkun hemm bżonn.