Aġġornata: Djar tal-Gvern fis-Siġġiewi: Diżgwid bejn il-Gvern u l-Kunsill

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li l-Gvern determinat li jwettaq proġett tal-akkomodazzjoni soċjali, anki jekk il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed jipprova jwaqqaf il-pjan.
Dan ħabbru dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq is-sit fi Triq Dun Manwel Zammit, fejn ħabbar li l-Ġimgħa mistenni jibda l-iskavar.
Il-proġett kien ilu fuq il-karta mill-2006, iżda issa ngħata bidu, u jekk jitlesta jkun fih madwar 65 appartament, faċilitajiet ta’ childcare, proġett ta’ djar ta’ kenn għall-anzjani u spazju miftuħ li jkabbar l-aċċess minn toroq eżistenti.
Dwar il-fehma tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, Galdes saħaq li jekk isir kif irid il-kunsill, il-proċess ikollu jibda mill-bidu u jintilfu l-fondi li ġew allokati għalih.
Il-proġett kien approvat mill-MEPA fl-2013 u jsegwi r-regolamenti relevanti kollha tal-ippjanar.
Galdes temm jgħid li l-Gvern sema x’riedu jgħidu r-residenti, u għalhekk ġie deċiż li ma jiżdiedx sular ieħor, minkejja li l-permess jippermetti. Minflok se jkun hemm aktar spazju għall-parkeġġ.
Nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-Gvern mal-Kunsill Lokali
Sadanittant, Alessia Psaila Zammit, is-Sindku tas-Siġġiewi, irrimarkat li l-Gvern qatt ma kkonsulta mal-kunsill dwar kif għandha tintuża fl-aħjar mod l-art li fuqha se jsir il-proġett.
Sostniet li l-proġett huwam eżaġerat, u li l-art li se tittieħed se toħloq sfidi kbar.
Il-kunsill ippropona li l-proġett jiċkien, u proporzjon akbar tal-art tintuża għall-komunità kollha bħala spazju ta’ rikreazzjoni.
Is-sindku qalet li l-laqgħa li kellha ma’ Galdes il-ġimgħa l-oħra talbitha hi, fejn hemmhekk, fi kliemha, il-Gvern  reġa tenna li mhux dispost jagħmel bidliet fil-proġett li ntalbu mill-Kunsill Lokali sabiex titnaqqas d-densità kbira tal-proġett.
Reġgħet appellat lill-Gvern sabiex jikkunsidra dal-proġett.
Id-djar ta’ kenn għall-anzjani
Is-Sindku innutat ukoll li d-djar tal-anzjani mħabbra minn Galdes mhumiex parti mill-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali, kif ta x’jifhem is-Segretarju Parlamentari.
Irrimarkat li d-djar ta’ kenn huma parti mit-tieni fażi mill-proġett taċ-Ċentru Ċiviku li jinsab fil-pjazza tas-Siġġiewi.
Għalhekk ukoll talab lill-Partit Laburista sabiex jiżgombra l-parti miċ-Ċentru Ċiviku li qed jokkupa bħala każin politiku.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo