Il-Gvern daħaq bl-Għawdxin dwar il-fast ferry – il-PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista daħaq bl-Għawdxin dwar il-fast ferry għaliex filli kienet wiegħda maġġuri fil-programm elettorali u filli l-Gvern bidel id-direzzjoni u lbieraħ qal li mhux se jsir. Il-PN staqsa wkoll għaliex id-deputati Għawdxin man-naħa tal-Gvern fosthom il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ma għamlu xejn biex il-Gvern iwettaq il-wiegħda li ġew eletti fuqha.

Kien il-Ministru għat-Trasport Ian Borg li lbieraħ ħabbar li l-Gvern bidel fehmtu dwar il-proġett tant mistenni mill-Għawdxin.

Fi stqarrija mid-Deputati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar u l-kelliem għat-Trasport Toni Bezzina, il-PN qal li l-Partit Laburista ripetutament għamel din il-wiegħda sa mill-2013. Spjega li tul dawn is-seba’ snin, il-Gvern kaxkar saqajh u ma wettaqx din il-wiegħda.

Il-PN waħħal ukoll fil-kumpanija Gozo Channel li qal li kellha l-proġett f’idejha u minħabba l-inkompetenza saru żbalji ħoxnin fil-proċess tat-tendering sakemm il-proċess ġie mħassar mill-Qrati.

Fl-istess stqarrija, il-PN qal li l-Għawdxin issa qed isaqsu wkoll min se jerfa’ r-responsabbiltà għal ħin u r-riżorsi kollha li nħlew ta’ xejn fuq il-proġett.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt fi Brussell f’Ottubru li għadda, l-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li t-tender għas-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex mistenni jerġa’ jiġi ppubblikat.