Il-Gvern Ċek jiddefendi d-deċiżjoni biex kulħadd jilbes il-maskri

Reuters

Nhar it-Tlieta, il-gvern Ċek sostna l-importanza tal-ordni tiegħu li kulħadd jilbes maskla tal-wiċċ meta joħroġ minn daru, fejn qal li dawn huma importanti għall-protezzjoni tal-oħrajn. Pajjiżi oħra wkoll kienu qed jikkunsidraw il-miżura tal-ilbies ta’ maskli fil-pubbliku, iżda dan il-fatt qajjem ukoll kontroversja minħabba li dan imur kontra l-gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, wara li l-espert tal-emerġenzi tagħha ddikkjara li m’hemm l-ebda evidenza li dan huwa ta’ benefiċċju.

Iċ-Ċeki ilhom jilbsu l-maskli barra minn darhom sa mit-18 ta’ Marzu li għadda, il-parti l-kbira minnhom jagħmluhom huma stess mid-drapp, hekk kif il-pajjiż qed jaffaċċja nuqqas fil-provvista ta’ maskli kirurġiċi u apparat tar-respirazzjoni ta’ grad ogħla li qed jintużaw minn persunal mediku u tas-servizzi soċjali.

In-nies qed jobdu din l-ordni, inkella jkollhom iħallsu multa jew jaqilgħu ċanfira jekk ma jilbsuhomx.

L-espert fl-epidemjoloġija Roman Prymula, kap tat-taskforce tal-gvern Ċek li twaqqfet fil-ġlieda kontra l-coronavirus, qal li l-maski kienu sa 80% effiċjenti biex iwaqqfu t-titjir mill-bżieq, u li dawn huma miżura essenzjali biex inaqqsu r-rata tal-infezzjoni, flimkien mal-ħasil tal-idejn.

“Aħna ma nużawx il-maskli biex nipproteġu lilna nfusna, il-livell tal-protezzjoni huwa tassew baxx; aħna nużawhom biex nipproteġu lil ta’ madwarna,” qal matul konferenza stampa. “Jekk kulħadd jilbes maskla, ma jinħoloqx titjir, għalhekk innaqqsu l-possibbilità ta’ infezzjoni.”

Huwa kompla jgħid li l-pożizzjoni tad-WHO kienet misjuqa minn xewqa li ma tiżdiedx id-domanda għal maskli li bħalissa huma meħtieġa għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, imma m’għandhiex tinħoloq problema meta jintużaw maskli tad-drapp li wieħed jista’ jerġa’ juża.

Nhar it-Tnejn, l-Awstrija ddikkjarat li l-maskli se jkunu obbligatorji fil-ħwienet, u l-Ministru għas-Saħħa Ġermaniż qal li l-ilbies ta’ maskli jista’ jkun fattur importanti meta jibdew jitnaqqsu l-miżuri tal-lockdown.

Mike Ryan, wieħed mill-ogħla esperti fl-emerġenzi tad-WHO, nhar it-Tnejn qal li: “M’hemm l-ebda evidenza speċifika li tissuġġerixxi li l-ilbies ta’ maskli mill-popolazzjoni globali huwa fattur li se jkollu xi benefiċċju partikolari.”

“Fil-fatt, teżisti evidenza li tissuġġerixxi li dan mhuwiex minnu, jekk wieħed jużaha ħażin jew ma jilbishiex kif suppost, jew ma tkunx tiġih sew, jew jekk wieħed joqgħod ineħħiha, u r-riskji l-oħra kollha assoċjati ma’ dan,” kompla jgħid.

Ir-Repubblika Ċeka kellha 3,237 każ sa nhar it-Tlieta filgħaxija, u 31 persuna mejta. F’dawn l-aħħar jumejn, iż-żieda fil-każijiet totali naqset għal ċifri uniċi għall-ewwel darba. Il-gvern qal li qed jimmira li jneħħi uħud mir-restrizzjonijiet tiegħu fuq l-ivjaġġar, ix-xogħol, ix-xiri u d-divertiment wara l-Għid, jekk jirnexxielu jkompli jikkontrolla t-tkabbir ta’ każijiet ġodda.