Il-Gvern ċeda għal pressjoni biex ir-referendum kontra l-kaċċa ma jsirx waħdu – FKNK

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qed takkuża lill-Gvern li ċeda għall-pressjoni ta’ individwi li, skont hi, qed jibżgħu li r-referendum propost dwar il-kaċċa jsir waħdu.
Dan għaliex il-Gvern, fid-dikjarazzjoni tiegħu li l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali se jsiru kif ippjanati fl-2015, qal li magħhom jista’ jsir ir-referendum propost.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK, Lino Farrugia, qal li l-Gvern seta’ għaġġel fid-deċiżjoni tiegħu għax għad m’hemmx tweġiba għar-rikors fil-Qorti Kostituzzjonali li ressqet l-FKNK biex ir-referendum ma jsirx.
Farrugia qal li dan jista’ jinfluwenza r-risposti ta’ uffiċċji tal-Gvern u tal-istess Qorti.
Sostna li l-Membri Parlamentari injoraw għal kollox petizzjoni ffirmata minn 104,000 ċittadin Malti, kontra li jsir referendum, li skont l-FKNK “qed jiġi abbużat minn ftit individwi biex jilħqu l-iskop tal-aġenda moħbija personali tagħhom”.
L-FKNK ikkonkludiet li hi se tistenna l-eżitu tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li fiha għandha fiduċja.