Il-Gvern b’u-turn dwar id-danger money għall-infermiera – MUMN

Mater Dei

Read in English.

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li lbierħa ġiet infurmata mill-Ministeru għas-Saħħa li d-danger money għall-infermiera li jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-pazjenti tal-coronavirus “mhux qed jitqies bħala prijorità”.

Fi stqarrija ntqal li l-Kunsill tal-MUMN ltaqa’ llum fejn kien ippjanat li jiġu rtirati d-direttivi industrijali kollha marbutin mal-coronavirus. Dan wara li sal-bieraħ, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien laqa’ t-talbiet kollha tal-unjin biex l-infermiera jkollhom moħħhom mistrieħ fl-interventi tagħhom ma’ pazjenit morda bil-COVID-19.

Ġie spjegat li l-MUMN ġiet infurmata li din il-miżura li saret bi ftehim mal-Ministru Fearne 10 ijiem ilu ġiet irtirata mill-Gvern. Qalet li meta seħħet il-laqgħa sa kien hem ftehim fuq id-data ta’ meta kellha tibda l-miżura tad-danger money.

Hi kompliet tgħid li l-Gvern inqeda bil-General Worker’s Union (GWU) biex jeżerċita manuvri politiċi u jġelled lill-infermiera bejniethom. Dan hekk kif fl-istess waqt li l-Ministeru għas-Saħħa informa lill-MUMN dwar l-irtirar mill-ftehim tad-Danger Money, il-GWU żammet konferenza tal-aħbarijiet biex tħabbar li kien hemm infermiera li saru membri magħha. L-MUMN ikkundannat “b’mod assolut

il-manuvri politici tal-Gvern f’dawn il-mumenti hekk kritiċi fejn kulħadd qiegħed jgħamel l-almu tiegħu sabiex ikun hawn l-inqas imwiet possibli.”

L-MUMN appellat lill-Ministru Fearne sabiex jerġa’ jirrevedi l-pożizzjoni u d-deċiżjoni tiegħu dwar id-Danger Money. Qalet li b’id ta’ ħbiberija, l-unjin qed tagħti 48 siegħa lill-Ministru Fearne biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu.Qalet li jekk hemm bżonn, lesta li tiltaqa’ mal-Gvern biex tiddiskuti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn