Aġġornata: Il-Gvern b’surplus ta’ kważi €437 miljun fl-2017

Il-Gvern irreġistra surplus ta’ €436.6 miljun fl-2017 li huma ekwivalenti għal 3.9% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD).
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), id-dejn gross konsolidat kien ta’ €5,642.6 miljun.
L-NSO qal li s-surplus tal-2017 żdied b‘€335.7 miljun meta mqabbel mal-2016.
Il-bilanċ jiġi kkalkulat fuq id-differenza bejn id-dħul u l-infieq tal-Gvern.
Fl-2017 id-defiċit tal-Gvernijiet fl-Ewropa niżel meta mqabbel ma’ dak tal-2016.
Fl-Unjoni Ewropea, il-proporzjon bejn id-defiċit u l-PGD niżel minn 1.6% għal 1.0%.
Skont l-NSO, id-dħul tal-Gvern bejn Ottubru u Diċembru tal-2017 kien ta’ €1,267.1 miljun. Dawn il-flus daħlu mit-taxxi fuq id-dħul, produttività tas-suq, u kontribuzzjonijiet soċjali fost oħrajn.
"L-industiji tal-manifattura, servizzi u servizzi finanzjarji fost dawk li għanu biex ikun hemm surplus"
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għall-Finanzi, il-Ministru Edward Scicluna qal li għadu ġej minn Washington fl-Istati Uniti u ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Bank Dinji, tal-Bank Monetarju Internazzjonali u ma’ aġenziji ta’ kreditu internazzjonali.
Spjega li dawn kollha qalulu li l-ekonomija Maltija miexja b’rata tajba.
Dwar liema industriji u setturi li l-aktar li kkontribwixxew fl-ekonomija, il-Ministru identifika l-manifattura, is-servizzi, s-servizzi finanarjarji kif ukoll il-cryptocurrencies.
Dwar l-industrija tal-manifattura, il-Ministru Sciculna semma l-eżempji ta’ Crane Currency u l-kumpaniji dwar il-kannabis mediċinali.
Dwar is-servizzi, l-eżempji msemmija kienu Lufthansa Teknik u dawk l-igaming.
Dwar is-servizzi finanzjarji il-Ministru qal li Malta qed tibbenefika minħabba Brexit kumpaniji finanzjarji ingliżi jew dawk ibbażati fl-Ingilterra qed jiftħu bażi f’Malta.
Qal ukoll li minn New York, kumpaniji li jaħdmu bil-crypto currency qalu li huma kuntenti mir-regoli li qed ikunu proposti f’Malta. Il-Ministru qal li jittama li dawn jiddaħħlu f’liġi mill-Parlament sa qabel is-Sajf.