Il-Gvern b’mandat ta’ inibizzjoni kontra l-UPE

L-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE- Voice of the Workers) irċievet mandat ta’ inibizzjoni mill-Qrati ta’ Malta f’isem is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri. Il-mandat inħareġ minħabba d-direttivi li nħarġu dal-aħħar mill-istess unjin lill-membri tagħha dwar is-sigħat ta’ lezzjonijiet.

Fi stqarrija, l-UPE qalet li dan huwa sinjal ċar li d-Direttorat tal-Edukazzjoni qed jipprova jisikkithom talli jagħżlu l-UPE. L-Unjin saħqet li din hi turiha ċara li x-xogħol li qed isir mill-istess unjin qed ikun effettiv u qed iwassal l-vuċi tal-membri tagħha.

Sakkem jinħarġu l-konklużjonijiet tal-mandat ta’ inibizzjoni, l-Unjin se tkun qed tissospendi d-direttivi iżda d-direttiva rigward il-fotokopji li jintbgħatu l-istamperija tal-Gvern għadha fis-seħħ.