Il-Gvern bi proposti dwar id-dekriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni

Read in English.

Il-Gvern qed jipproponi li l-prostituzzjoni tiġi ddikriminalizzata f’dokument li tneda llum għall-konsultazzjoni pubblika.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Julia Farrugia Portelli nediet il-konsultazzjoni pubblika u spjegat li din hi parti mir-riforma dwar it-traffikar uman u l-prostituzzjoni. Hi spjegat li dan il-pass kien parti mill-wegħda elettorali li l-Partit Laburista għamel fil-manifest tal-elezzjoni bikrija 2017.

Il-konsultazzjoni pubblika se twassal biex tiġi mfassla l-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman, kif ukoll isiru r-riformi meħtieġa fil-liġi dwar il-prostituzzjoni.

L-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman

Fid-dokument għall-konsultazzjoni, l-Gvern sostna li l-istrateġija qed timmira l-servizzi u l-inzjattivi f’dal-qasam ikunu żviluppati, implimentati u msaħħa permezz ta’ miżuri apposta. B’hekk tiżdied il-protezzjoni li tingħata l-vittmi tat-traffikar u fl-istess ħin it-traffikar uman jiġi indirizzat b’mod effettiv.

Il-Gvern iddentifika disa’ oqsma fil-qasam legali u politiku fit-tfassil tal-istrateġija nazzjonali. Dawn huma iktar għarfien u tisħiħ fil-prevenzjoni tat-traffikar uman, twaqqif ta’ mekkaniżmu uffiċjali ta’ riferiment, tisħiħ tal-mekkaniżmu tal-protezzjoni, iktar riżorsi għall-investigazzjonijiet, titjieb fil-liġijiet dwar it-traffikar uman kif ukoll aċċess usa għall-għajnuna legali u kumpens.

Fid-dokument mnedi llum qed jiġi ppropost ukoll li l-gentlemen’s clubs, il-massage parlours u l-aġenziji ta’ xogħol  temporanju jiġu regolamentati b’mod adegwat.

Il-gentlemen’s clubs, massage parlours u l-aġenziji ta’ xogħol temporanju

Id-dokument jirreferi għal studji lokali li jikkonfermaw li hemm riskju li f’ċertu oqsma ikun hemm iktar ċans tat-traffikar uman. Ħareġ li ħaddiema ġeneralment li jagħmlu xogħol manwali spiċċaw vittmi tat-trattament ħażin fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-ħaddiema spiċċaw vittmi ta’ sfruttament. Il-gvern sostna li hemm bżonn ta’ iktar regolmentazzjoni biex ir-reklutaġġ għal skopjiet ta’ sfruttament jew bi prattiċi ta’ ħidma li jmorru kontra l-liġi tax-xogħol jiġu eliminati.

Id-dokument isemmi li persuni li jaħdmu f’gentlemen’s club jistgħu ikunu esposti għall-intimidazzjoni, abbuż emozzjonali, fiżiku kif ukoll sesswali. Id-dokument jgħid li dawn il-clubs ma għandhomx jintużaw minn kriminali biex jaħbu attivitajiet ta’ sfruttament għal skoppijiet sesswali.

Il-prostituzzjoni 

Dwar il-prostituzzjoni, il-Gvern qal li qed jesplora u jifhem l-aspetti differenti tal-prostituzzjoni f’Malta. Il-Gvern sostna li f’dal-qasam hemmx biżejjed tagħrif.

Il-proposti dwar il-prostituzzjoni jagħrfu li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-persuni involuti fil-prostituzzjoni għandhom jiġu salvagwardjati. Id-dokument jagħraf li dawn il-persuni ikomplu jaffaċċjaw vjolenza, diskriminazzjoni u ksur ieħor tad-drittijiet tagħhom. Il-gvern sostna li jagħraf l-ostakli li jeżistu b’mod strutturali u għalhekk għandhom jiġu indirizzati biex dawk affettwati jkunu jistgħu jfittxu l-għajnuna.

Il-Gvern qed jipproponi wkoll li l-prostituzzjoni ma tibqax reat. Fid-dokument jissemma’ li huwa fatt magħruf li dawk li jaħdmu fil-qasam tal-prostituzzjoni huma f’riskju ikbar li jkollhom mard transmess b’mod sesswali. Iżid jgħid li jekk il-prostituzzjoni tibqa’ reat dan jibqa’ jkollu impatt fuq il-vulnerabbilità tal-persuna.

Il-Gvern għaraf ukoll il-bżonn li jiġi kreati strutturi apposta biex ikun żgurat li persuna tkun tista’ titlaq mill-prostituzzjoni. Fid-dokument il-Gvern jgħid li probabli l-enitatjiet tiegħu u l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili għandhom flimkien jiżviluppaw programmi b’miżuri mmirati biex jgħinu l-prostituti. Dan il-programm huwa maħsub biex jgħin lill-prostituti joħorġu mill-prostituzzjoni, kif ukoll l-opportunità li persuna tneħħi reati relatati mal-prostituzzjoni tagħha stess mill-kondotta. Huwa maħsub ukoll li tingħata għajnuna medika u psiko-soċjali lill-persuni fil-prostituzzjoni.

Aqra iktar:

Priġunieri vittmi tal-prostituzzjoni se jingħataw għajnuna mis-sorijiet

“Jispiċċaw jidħlu fil-prostituzzjoni bla ma jridu” – social support worker

Persuna f’ġimgħa l-Qorti dwar prostituzzjoni

Agħlqu l-gentlemen’s clubs – Edwin Vassallo

“Il-Ministru għat-Turiżmu qed iżomm mas-sidien tal-gentlemen clubs”

“Gentlemen clubs: Bejta ta’ kriminalità, għandhom jingħalqu”