Il-Gvern bi pjan li jħawwel aktar siġar f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li se jibda proġett ġdid ta’ tħawwil tas-siġar f’Għawdex.
Fi stqarrija, il-Ministeru ta’ Għawdex spjega li l-proġett ta’ afforestazzjoni tal-għolja t’Għammar li tiġi faċċata tas-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu u li huwa propjetà tad-djoċesi ta’ Għawdex jinvolvi tħawwil ta’ siġar indiġeni.
Il-Ministru Caruana qalet li “irridu nassiguraw arja iktar nadifa u nippromwovu ħajja iktar sana fost it-tfal tagħna u għalhekk il-Ministeru għal Għawdex hu kommess li jagħmel dak kollu possibbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.”
Caruana rringrazzjat lir-rettur tas-Santwarju ta’ Pinu Dun Gerald Buhagiar, Dun Domenic Sultana, lid-Direttorat ta’ Eko Għawdex u lis-sezzjoni tal-afforestazzjoni, u tal-farm sperimentali tax-Xewkija, għaliex ilkoll flimkien ikkollaboraw biex jitwettaq dan il-proġett.
Ritratti: MGOZ