Il-Gvern bi pjan biex inaqqas il-piż tal-basktijiet tal-istudenti

Il-Gvern qed jaħdem fuq linji gwida biex jitnaqqas il-piż tal-basktijiet tal-istudenti tal-iskola.

F’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni intqal li dawn il-linji gwida qegħdin fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-proċess jibqa’ miftuħ sal-aħħar ta’ April 2020.

“Waħda mill-miżuri tal-baġit tal-2020 tħares lejn il-piż tal-basktijiet tal-iskola, kwistjoni li ilha magħna mill-inqas għal dawn l-aħħar għoxrin sena u jeħtieġ li din tiġi ndirizzata,” qal il-Ministru Owen Bonnici.

Id-Direttur Ray Camilleri tkellem dwar studju li sar mill-Assoċazzjoni tal-Fiżjoterapisti Maltin. Dan sab li aktar minn 70% tal-istudenti bejn it-8 u t-13-il sena kienu qed jerfgħu basktijiet li jaqbeż il-piż rakkomandat b’10% tal-piż tagħhom stess.

Studji oħra li saru mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni urew x’jagħmel il-basket tqil, u fosthom kien hemm il-ġarr ta’ kotba tal-iskola segwit minn files u fliexken tal-ilma. Għalhekk, tfassal programm tal-installar taddrinking water fountains kif ukoll ta’ lockersfl-iskejjel tal-Gvern.

Intqal li l-linji gwida huma maqsuma fi 3 sezzjonijiet, waħda għall-iskejjel, oħra għall-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji, u oħra għall-ġenituri.

Il-linji gwida tista’ tarahom minn hawn: https://education.gov.mt/en/Pages/Guidelines-Weight-Schoolbags.aspx

Suġġerimenti dwar il-linji gwida għandhom jintbagħtu fuq raymond.j.camilleri@gov.mt

Intant l-għalliema Maltin huma mħassba dwar il-coronavirus, skont il-Ministeru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici. Iżjed tard, l-MUT ħarġet stqarrija b’appell għall-għalliema u l-istudenti biex ma jmorrux l-iskola jekk żaru wieħed mill-pajjiżi fejn hemm il-coronavirus.

Iżjed tard, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħareġ ċirkolari lill-għalliema tal-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u indipendenti biex jekk dawn żaru pajjiżi fejn hemm il-coronavirus, ma jmorrux għax-xogħol għal ġimagħtejn.