Bħala parti mill-istrateġija nazzjonali b’rabta mas-saħħa mentali sal-2030, il-Gvern għandu l-ħsieb li jniedi ambulanza speċjalizzata għas-saħħa mentali.
F’Lulju l-Gvern ħareġ dokument twil madwar 50 paġna dwar il-viżjoni tal-Gvern b’rabta mas-saħħa mentali bejn il-perjodu tal-2020 sal-2030.
Il-viżjoni tad-dokument huwa ta’ soċjetà li tippromwovi s-saħħa mentali ta’ kulħadd, li tipprevjeni diżordni mentali fost individwi li huma f’riskju għoli, u li tipprovdi trattament ta’ kwalità għal min ikollu problemi fis-saħħa mentali.
Il-Gvern qal li hemm bżonn funzjoni li tkun tista’ tipprovdi assistenza professjonali u immedjata biex jgħinu individwi u carers li jkollhom bżonn għajnuna urġenti – kriżi. Każijiet bħal dawn jinkludu s-self-harm u attentati ta’ suwiċidju li jkollhom bżonn attenzjoni professjonali.
Bżonn titjib fis-servizzi tal-emerġenza
Fl-istrateġija intqal li s-servizzi fil-komunità għandhom ikunu jistgħu joffru kura immedjata u appoġġ lill-klijenti li jkunu jafuhom fuq walk-in basis f’każ ta’ kriżi. Intqal ukoll li s-servizzi tal-emerġenza, b’mod partikolari għall-każijiet ġodda u għal xogħol barra mis-sigħat normali, għandhom bżonn titjib.
Il-Gvern qal li diġà ttieħdu passi biex tiġi assigurata d-disponibbilità ta’ preżenza speċjalista ta’ psikjatrija fi ħdan id-dipartiment tal-emerġenza 24 siegħa kuljum.
Hemm pjan ukoll biex fil-futur ikun hemm ambulanza speċjalizzata għas-saħħa mentali. Parti mill-pjan huwa li jkun hemm tim sħiħ li jipprovdi servizzi tal-emerġenza li jinkludu anke l-kura ta’ qabel l-isptar.
Skont il-Gvern, is-servizzi tal-emerġenza u ta’ kriżi huma oqsma li se jingħataw prijorità fejn jidħol in-numru ta’ persuni li jaħdmu f’dan il-qasam.
Il-Gvern qal li huwa rikonoxxut li hemm xi argumenti importanti favur it-twaqqif ta’ timijiet separati biex jiffokaw fuq crisis management. Però qal li riċerka li saret reċentament qed tindika riżultati mħalltin dwar il-mudelli separati tal-provvista tal-kura meta wieħed jieħu perspettiva fit-tul.
X’intqal aktar?
Fost affarijiet oħra l-Gvern qed jipproponi li jkun hemm aktar ħin għall-isport fl-iskejjel bħala parti minn strateġija favur is-saħħa mentali.
Il-Gvern jipproponi aktar PE fl-iskejjel
Tista’ taqra l-istrateġija sħiħa minn hawn:
“Abbużat minn martu spiċċa fit-triq; kien se jtemm ħajtu”