Il-Gvern b’fondi għall-festi tal-Isla, tal-Birgu u tal-Kalkara

Il-Fondazzjoni Kottonera ffirmat ftehim mal-Kurja biex tgħin fl-organizazzjoni tal-festi u attivitajiet oħra relatati magħhom fl-ibliet tal-Kottonera u l-Kalkara. Il-ftehim kien iffirmat minn Glenn Bedingfield, Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, u Michael Pace Ross, Kap Eżekuttiv tal-Kurja, fil-preżenza tal-mexxejja reliġjużi tal-lokalitajiet.

Filwaqt li qal li l-festi għandhom isiru b’rispett sħiħ lejn id-direttivi mħabbra mill-Arċidjoċesi, Pace Ross irringrazzja lill-Fondazzjoni Kottonera għal din l-għotja li qal li se tkopri parti mill-ispejjeż tal-festi. Fisser li dawn id-direttivi huma bbażati fuq tliet prinċipji: li l-poplu Nisrani jrodd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna; li jissaħħaħ is-sens ta’ għaqda fil-komunitajiet Insara; u li tingħata importanza speċjali lill-prinċipju ta’ solidarjetà.

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-ewwel parroċċa li se tibbenefika minn din l-għajnuna hija l-parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara fejn il-festa qed tkun iċċelebrata fi tmiem din il-ġimgħa. Matul is-sajf se jkunu ogranizzati wkoll il-festi ta’ San Lawrenz u San Duminku fil-Birgu u Marija Bambina fl-Isla.

Il-Fondazzjoni qalet li aktar tard matul is-sena tkun iċċelebrata wkoll il-festa ta’ Marija Immakulata f’Bormla li wkoll se tibbenefika mill-għajnuna mgħotija mill-Fondazzjoni Kottonera.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal li huwa ta’ pjaċir għall-fondazzjoni li tagħti assistenza fl-organizazzjoni tal-festi u attivitajiet oħra relatati. Din l-assistenza mistennija ssaħħaħ il-preżenza ta’ attivitajiet kulturali b’rabta reliġjuża li jkunu ċċelebrati fl-ibliet tagħna.