€2m mill-Gvern għall-Fondazzjoni Richmond

Il-Gvern se jkun qed jiffinanzja residenzi u skemi tal-Fondazzjoni Richmond bi kważi €2 miljuni fuq medda ta’ tliet snin bejn l-2019 u l-2021.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja qal li l-ftehim ta’ finanzjament se jkun qed jgħin lill-Fondazzjoni sabiex topera b’mod sħiħ it-tmexxija ta’ Villa Chelsea, il-KIDs u s-Supported Housing Scheme.

Matul l-2019, il-Fondazzjoni rċeviet €635,390, fl-2020 se tkun qed tirċievu €648,530, filwaqt li fl-2021 il-Gvern se jagħti €661,670 lill-Fondazzjoni.

Il-Ministru Michael Falzon qal li bħalissa l-prevalenza fuq il-problemi mentali qed tkompli tiżdied. Qal li dan sfortunatament anki fit-tfal li stmat li wieħed minn kull sitt itfal bl-età bejn sentejn u tmien snin jesperjenzaw problem ta’ saħħa mentali.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Fondazzjoni Richmond se tkun tista’ tagħmel użu minn 28 apartament li fih jirrisjedu 62 persuna. Il-fondazzjoni tgħin f’aspetti fiżiċi, soċjali, u psikoloġiċi. Din tissejjaħ ‘Supported Housing Scheme’ u l-Ministeru jemmen li hija t-triq ‘il quddiem biex dawn it-tfal verament jingħataw l-attenzjoni meħtieġa.