Il-Gvern b’emendi biex jevita li 20 każin tal-banda jispiċċa fit-triq

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qed jipproponi emendi fl-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar biex, fi kliemu, jevita li 20 każin tal-banda jispiċċaw fit-triq.

Fil-Parlament, Bonnici qal li huwa l-obbligu morali u soċjali  tal-Parlament li jirrikonoxxi l-kontribut essenzjali li l-każini tal-baned jaqdu lis-soċjetà kemm mill-aspett kulturali kif ukoll fis-settur tal-volontarjat.

Il-Ministru qal li 20 każin tal-banda mhumiex is-sidien tas-sede tagħhom u jinsabu bil-possibbiltà li jispiċċaw barra t-triq.

Huwa qal li l-Gvern kien qed iressaq din l-emenda biex jipproteġihom.

Bonnici stqarr li jekk ma jsir xejn, is-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid, ġiet ordnata toħroġ mill-każin sal-aħħar ta’ Settembru.

Huwa qal li l-Qorti kienet ordnat l-iżgumbrament wara xogħlijiet strutturali li kienu twettqu mis-Soċjetà. Spjega li għal dan il-għan, il-Gvern qed jipproponi emendi li jintroduċu depożitu li jsir mill-Għaqda Mużikali biex tagħmel tajjeb li f’każ li tispiċċa l-kirja, is-sid ikun jista’ jġib lura l-propjetà fl-istat oriġinali. Bonnici qal li b’hekk tissolva 40% tal-problema.

Il-Ministru qal li fil-każijiet l-oħra, ir-raġuni li tat il-Qorti fis-sentenzi tagħha hi li l-kirja mħallsa ma tirriflettix il-valur propju tal-propjetà. Għal dan il-għan, il-Gvern qed jgħid li f’każijiet tas-soċjetajiet li ilhom jokkupaw il-propjetà għal aktar minn 50 sena, għandha titwieled kera ġdida li m’għandhiex tkun inqas minn €5,000 jew 1% tal-valur tal-propjetà.

Huwa qal li bl-istess mod, persuni li qed joqogħdu fi propjetajiet skont il-liġi tal-kera tal-1979, il-Gvern qed jipproponi li jsir test tal-mezzi li fil-każ li jinstab, din m’għandhiex mezzi, il-persuna għandha tkun protetta iżda fl-istess ħin, il-kirja togħla għal 2% tal-valur tal-propjetà.