“Il-Gvern b’ċekk biex jiġbed in-nies; refuġjati bla misħun biex jinħaslu” – Aditus

Miguela Xuereb

L-organizzazzjoni Aditus qalet li ċ-ċekk ta’ €15 jew €35 li qed jibgħat il-Gvern mhux se jibdel ħafna ħajjiet, imma jżid il-lealtà tan-nies lejn il-Gvern, filwaqt li r-refuġjati msakkrin qed jgħixu f’kundizzjonijiet foqra.

F’kitba fuq Facebook, Aditus uriet il-fehma li r-refuġjati mhumiex jintwerew biżżejjed umanità. Din l-organizzazzjoni tiġġieled għad-drittijiet umani.

Iddeskriviet kif l-immigranti li joqogħdu Malta m’għandhomx biżżejjed misħun biex jinħaslu, lanqas biżżejjed toilets u xawers għall-mijiet ta’ nies li hemm fiċ-ċentri, lanqas biżżejjed social workers biex jieħdu ħsieb lit-tfal li qegħdin waħedhom. Il-lista tkompli billi tgħid li m’għandhomx biżżejjed kards tat-telefown biex iċemplu lil qrabathom u jgħidulhom li għadhom ħajjin, lanqas biżżejjed kutri jew kalzetti, żraben, sapun jew xampu.

Din il-ġimgħa, il-Gvern ħabbar li se jibgħat ċekk ta’ €15 jew €35 lil kull familja f’Malta. Min joqgħod waħdu se jieħu €15 u min qiegħed iżjed minn persuna waħda fl-istess dar jieħu €35.