Il-Gvern b’avviż dwar kif tinħiet maskra

Miguela Xuereb

Il-Gvern ħareġ avviż dwar kif wieħed jista’ jagħmel il-maskra tad-drapp tiegħu stess, peress li minn għada, il-maskra dejjem trid tintlibes meta wieħed jidħol f’xi ħanut jew stabbiliment kummerċjali.

Għada se jinfetħu għadd ta’ ħwienet fl-ewwel pass tal-awtoritajiet Maltin lejn “in-normal il-ġdid,” fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela. L-ewwel ħwienet li se jiftħu se jkunu dawk tal-ħwejjeġ, taż-żraben u tal-basktijiet, tal-fwejjaħ, tan-nuċċalijiet, fost l-oħrajn.

Madankollu, qed jittieħdu għadd ta’ miżuri ta’ tbegħid bejn in-nies xorta waħda. In-nies huma avżati biex iżommu distanza ta’ żewġ metri bejniethom. Apparti dan, il-ħwienet ma jistgħux idaħħlu lil ħafna nies f’daqqa. Kull ħanut irid ikollu avviż ċar fuq barra li jgħid kemm jippermetti nies f’daqqa li jidħlu fil-ħanut. Fil-ħwienet tal-ħwejjeġ mhuwiex permess użu taċ-changing rooms. Miżura oħra ta’ prekawzjoni hija li jintlibsu l-maskri fil-ħwienet.

Allura x’għandek tagħmel biex tagħmel maskra tad-drapp għalik stess?

  • Aħsel idejk sew qabel tibda tagħmilha
  • Aħsel id-drapp minn qabel
  • Il-maskra għandha tgħatti l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum
  • Uża drapp minsuġ sew u li tkun tista’ tieħu nifs bih, pereżempju l-qoton, u li jista’ jinħasel f’temperatura ta’ 60 grad
  • Uża bejn 2 u 3 biċċiet tad-drapp fuq xulxin
  • Uża żewġ kuluri differenti biex tkun tista’ tagħraf in-naħa ta’ barra u ta’ ġewwa tal-maskra
  • Evita li tagħmel ħjatiet weqfin f’nofs il-maskra
  • Il-maskra tista’ tinħiet bil-lastku jew b’qafliet tad-drapp
  • Żomm il-maskra ġo basket tad-drapp li jista’ jinħasel

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn