Il-Gvern b’appell għal tmiem il-ġimgħa

Miguela Xuereb

Il-Gvern appella sabiex il-Maltin ma jillaxkawx għax ġej il-weekend, sabiex is-sagrifiċċju li sar biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus ma jtirx mar-riħ.

Fil-bulettin maħruġ mill-Gvern illejla, tħabbar illi mis-615-il spezzjoni li saru fl-aħħar 24 siegħa, inqabdet persuna barra li suppost kellha tkun kwarantina. Din ġiet immultata €3,000.

Apparti hekk, 13-il persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi kontinwi li l-Pulizija qed tagħmel biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat t’aktar minn 3 persuni f’postijiet pubbliċi skont l-avviż legali li ħareġ il-Gvern.

Waqt il-konferenza tal-lum, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbret żewġ każijiet ġodda tal-coronavirus f’Malta, mara ta’ 60 sena u raġel ta’ 43 sena, it-tnejn Maltin. Fiequ 19-il persuna oħra, biex issa, it-total ta’ persuni b’każijiet attivi tal-coronavirus huwa ta’ 221.

Lejlet is-Sibt, l-awtoritajiet tas-saħħa saħqu mill-ġdid biex ħadd ma jserraħ rasu u jillaxka milli jkompli jħares il-miżuri ta’ tbegħid soċjali u li ma joħroġx ta’ xejn mid-dar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn