Il-Gvern b’rieda għal riforma effettiva u fil-ħin fil-qasam tal-Ġustizzja

Ir-riżultati inkwetanti ferm li kiseb pajjiżna f’diversi oqsma kruċjali fl-istudju tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Ġustizzja jkabbru u jsaħħu r-rieda tal-Gvern għal riforma effettiva u fil-ħin f’dan il-qasam.

Il-Gvern jemmen li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, id-demokrazija nnifisha u s-settur tan-negozju u l-investiment urġentement jixirqilhom sistema ġudizzjarja ferm aħjar, iktar effiċjenti u li titfa’ lil pajjiżna fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.

Għalhekk ma jistax ikun li pajjiżna jiġi fl-aħħar postijiet fejn jidħol iż-żmien li jittieħed biex jigu risolti l-kawżi u r-rata li biha jinqatgħu l-kawżi. Pajjiżna jrid ikollu riżultat ferm aħjar f’oqsma fundamentali bhall-faċilita’ ta’ informazzjoni dwar moniteraġġ u evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-qrati.

Il-Gvern jemmen li pajjiżna m’għandux għażla oħra ħlief li jirriforma u jwettaq bidliet għall-aħjar. Kien għalhekk li l-Ħadd li għadda, l-Gvern ħabbar it-twaqqif tal-kummissjoni għal reviżjoni ħolistika fil-qasam tal-Ġustizzja mmexxija mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello.

Fl-istqarrija ntqal ukoll li l-Gvern hu kommess li jimplimenta l-punti ewlenin tar-riforma skont l-evalwazzjoni tal-kummissjoni, qabel tmiem l-aħħar tas-sena.