Il-Gvern b’opportunità li jfittex kunsens nazzjonali dwar iż- Żonqor – Charlot Cassar

Il-Kunsillier Nazzjonalista ta’ Wied il-Għajn Charlot Cassar qal li l-Gvern għandu opportunità li jfittex kunsens nazzjonali dwar il-proġett tal-American University of Malta (AUM) fiż-Żonqor.
Ma’ Newsbook.com.mt Charlot Cassar stqarr li d-deċiżjoni li jsir dan il-proġett fuq l-art taż-Żonqor kienet waħda żbaljata mill-bidu nett.
Madanakollu, qal li fid-dawl ta’ dak kollhu li qed jiġri saħaq li bħalissa, żgur mhux il-mument li fih il-Gvern għandu jħalli dan il-proġett jibqa’ għaddej kif ippjanat.
Fi kliem Cassar, il-Gvern għandu jsib siti alternattivi jekk jidhirlu li l-proġett għandu jkompli.
F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt il-kunsillier spjega li l-kwistjonijiet dwar iż-Żonqor ilhom għaddejjin minn qabel ma beda l-proġett ta’ Sadeen.
Dan għaliex kien hemm proposta li jinbnew tliet lukandi fiż-Żonqor. Fakkar kif wara t-tħabbira tal-Gvern dwar il-proġett tal-AUM, kien hemm oppożizzjoni kontrih u saħansitra protesti nazzjonali.
Fuq Facebook, Charlot Cassar kien issuġġerixxa li Membru Parlamentari f’isem il-Gvern għandu jressaq mozzjoni fil-Parlament biex iż-Żonqor jittieħed mingħand Sadeen u jerġa’ jingħata lura lill-Maltin.
Żied jgħid li l-mozzjoni għandha tiġi ssekondata minn Membru Parlamentari f’isem l-Oppożizzjoni.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk kienx hemm xi Membri Parlamentari li wrew interess li jressqu din il-mozzjoni, Cassar qal li l-MP tal-Partit Demokratu Godfrey Farrugia kien kiteb fuq Facebook li jinsab lest jagħti l-appoġġ tiegħu lil din il-mozzjoni.
F’Novembru fil-Parlament, dwar jekk il-proġett taż-Żonqor hux se jkompli jew le, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li dan ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħu iżda jekk l-Università Amerikana ma twettaqx dawk il-kundizzjonijiet li daħlet għalihom jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Il-Membri tal-Oppozizzjoni kienu staqsew dwar l-Università Amerikana f’Malta li kellha jkollha 1,000 student fl-ewwel sena tagħha u 4,000 student fi tliet snin.