Il-Gvern Arġentin ikompli bir-relazzjoni kumplessa mal-Knisja

Il-President tal-Arġentina f'laqgħa mal-Papa Franġisku

Wara li falla l-attentat biex jiġi introdott l-abort fl-Arġentina, ir-relazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja qed tkompli tkun waħda kumplessa ħafna. Il-Knisja baqgħet tkun kritika tad-diversi miżuri ekonomiċi meħuda mill-President Mauricio Macri u qed twissi kontra l-inugwaljanza li qed tikber, il-faqar, il-kriminalità u l-korruzzjoni.

Hekk kif il-Gvern tal-President Marci qed jiffaċċja devalwazzjoni oħra tal-Peso, il-munita tal-pajjiż u problemi oħra, qed ifittex li jkollu l-Knisja bħala alleat tiegħu.

Il-faqar fil-pajjiż qed jerfa’ rasu hekk kif qed jaffaċċja wkoll kriżi ta’ ikel minħabba d-devalwazzjoni tal-munita u l-inflazzjoni. Fid-dawl ta’ din il-kriżi, żewġ ministri qrib ħafna tal-President, iltaqgħu mal-mexxejja tal-Knisja Kattolika u l-Knisja Evanġelika l-ġimgħa li għaddiet.

Hu kkalkulat li bejn miljun u tliet miljun persuna fl-Arġentina llum m’għandhomx ikel biżżejjed minkejja l-fatt li l-pajjiż li fih jgħixu 44 miljun persuna kapaċi jitma 440 miljun ruħ bl-ikel li jipproduċi. Skont l-aħħar statistika, 30% tal-popolazzjoni tal-pajjiż qed tgħix fil-faqar u jidher li dan in-numru se jkompli jikber.

Min-naħa tagħha l-Knisja Kattolika fl-Arġentina tmexxi mijiet ta’ kċejjen li joffru ikel lill-foqra permezz tal-Caritas.  Hu rikonoxxut li fuq livell nazzjonali ebda istituzzjoni m’għandha infrastruttura aħjar minn tal-Knisja biex tilħaq lil dawk emarġinati. Is-sena li għaddiet il-poplu ta aktar minn $3 miljuni għal dan l-iskop.

Suġġett li dwaru hemm diskussjoni sħiħa fl-Arġentina bħalissa hi l-edukazzjoni sesswali. Kulħadd jaqbel li din hi importanti, inkluż il-Knisja. Madankollu l-bidliet li qed ikunu diskussi għal-liġi attwali qed isibu oġġezzjoni mill-Knisja Kattolika u minn setturi oħra.

Il-Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-Edukazzjoni Kattolika qalet fi stqarrija li l-problema mhix il-liġi attwali, imma l-fatt li l-liġi kif inhi qatt ma kienet implimentata u dawk li jridu jibdluha jridu jimxu lejn ideoloġija “monopolistika mhux informattiva”.

L-Arċisqof Eduardo Eliseo Martin, ta’ Rosario li jmexxi l-Uffiċċju tal-Edukazzjoni Kattolika wissa kontra gruppi li jridu jimponu biss perspettiva waħda, dik tal-ideoloġija tal-ġeneru u ma jħallux lill-ġenituri jiddeċiedu kif iridu jedukaw lil uliedhom.

L-Isqof qal li l-Knisja trid tippromwovi edukazzjoni sesswali fl-iskejjel tagħha, iżda b’ “ideal kattoliku, għax nafu li hemm gruppi li dan iridu jħassruh u jimponu biss il-perspettiva tagħhom. Jekk jiġri hekk, dan ma jkunx demokratiku u anqas pluralistiku u jtellef il-valuri Kristjani.”

Meta tħabbret id-deċiżjoni li se tinbidel il-liġi, bdew jinġabru firem kontra l-emendi proposti. Il-grupp li qed jiġbor il-firem qal li “l-familja tagħna hi mmexxija minn prinċipji bħalma huma: il-ħajja hi sagra fl-istadji kollha tagħha u tibda mill-konċepiment; is-sesswalità għandha tkun eżerċitata b’mod naturali u tkun miftuħa għall-ħajja f’familja bażata fuq iż-żwieġ u tippermetti biss metodi naturali, li jirregolaw it-twelid.”