Nhar is-Sibt li għadda l-Papa Franġisku kellem lill-membri tat-Tribunal tal-Istat tal-Vatikan fl-okkażżjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi u esprima l-fiduċja tiegħu fil-ħidma tal-awtoritajiet ġudizzjarji.
Il-Qdusija Tiegħu għamel żewġ punti ta’riflessjoni fid-diskors tiegħu. Beda biex tkellem dwar l-Evanġelju li jgħallimna li “l-ġustizzja ta’ Alla mhux sempliċement sett ta’ regoli li għandhom ikunu applikati b’mod tekniku, imma hi fuq kollox, dispożizzjoni tal-qalb li tiggwida lil dawk li għandhom responsabbiltà”.
Hu enfasizza li l-ġustizzja trid tibda minn ġewwa kull wieħed minnha, “bil-konverżjoni personali tagħna”. Hu qal li “din hi l-unika ġustizzja li tagħmel ġustizzja!”
Il-Papa Franġisku nnota wkoll, li l-ġustizzja trid tkun akkumpanjata minn virtujiet oħra, speċjalment il-virtujiet kardinali tal-prudenza, temperanza u saħħa morali. Sostna li l-ġudikanti, b’mod partikolari, jridu jsibu risposti li jgħaqqdu l-ġustizzja mal-ħniena. Dan ma jfissirx li ma ssirx ġustizzja imma hi l-milja tagħha. Hu nkoraġixxa lill-ġudikanti biex isostnu l-impenn tagħhom “li jifhmu l-kawżi tal-iżball u l-fraġilità ta’ dawk li jiksru l-liġi”.
Riformi parti mill-ministeru tal-Knisja
It-tieni punt ta’ riflessjoni li dwaru tkellem il-Papa Franġisku kien “il-liġijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet interpersonali u l-valuri etiċi” li jiffurmaw il-kuntest ta’ dawn il-liġijiet.
Il-Papa nnota li r-riformi li ġiebu tibdil sinjifikanti fil-liġijiet tal-Vatikan kienu motivati mill-ħtieġa tal-moderniżazzjoni “imma fuq kollox mill-bżonn li jkunu rispettati impenji internazzjonali li daħlet għalihom is-Santa Sede għan-nom tal-Istat tal-Vatikan.
Dawn l-impneji primarjament jikkonċernaw mal-protezzjoni tal-persuna umana u gruppi soċjali. “L-iskop ewlieni ta’ dawn ir-riformi irid jiddaħħal fil-missjoni tal-Knisja anzi hu parti integrali u essenzjali tal-attività ministerjali tagħha.
Effiċjenza fl-infurzar
Il-Kap tal-Knisja Kattolika żied jgħid lill-Imħallfin li l-aħħar riformi ħarġu fil-beraħ “sitwazzjonijiet finazjarji suspettużi” li għadhom qed ikunu nvestigati. Hu saħaq fuq il-fatt li l-ewwel rapporti ta’ irregolaritajiet ġew mill-Vatikan innifsu u dan juri l-effiċjenza u l-effettività tal-ifurzar tal-liġijiet kif jitolbu l-livelli internazzjonali”.
B’mod partikolari l-Papa Franġisku li l-Korp tal-Ġendarmerija tal-Belt tal-Vatikan “iddistingwa ruħu għall-attività investigattiva tiegħu b’appoġġ għall-Uffiċċju tal-Promotur tal-Ġusitzzja.”
Filwaqt li faħħar ir-ritofrma, il-Papa rrikonoxxa li l-isforzi kollha ta’din il-bidla jibqgħu jiddeġendu mill-bniedem. “Għalhekk irid ikollna attitudni partikolari min-naħa tal-operaturi, mhux biss waħda intellettwali imma wkoll morali u deontoloġika u allura l-ġustizzja għandha bżonn il-kotribut tal-aħjar nies.”
Ġustizzja Divina
Il-Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu lill-ġudikanti billi fakkarhom fi kliem Kristu fl-Evanġelju: “Bil-kejl li intom tiġġudikaw, tkunu iġġudikati”. L-Evanġelju, żied jgħid il-Papa, “ifakkarna li l-ġustizzja tad-dinja dejjem għandu jkollha bħala mira ewlenija il-laqgħa mal-Ġustizzja Divina, dik tal-Mulej li qed nistennew. Dan il-kliem m’għandux ibeżżagħna, imma jinkoraġġina biex naqdu dmirna b’serjetà u umiltà.