“Il-ġustizzja mhix se tiġi mill-Gvern Malti” – Iben Daphne f’Londra

Paul Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, qal li l-ġustizzja għall-assassinju ta’ ommu żgur li mhux se tġi mill-Gvern.
Dan qalu waqt li kien qed jindirizza kamra mimlija nies li nġabru fil-House of Commons f’Londra sabiex ifakkru s-sitt xhur mill-assassinju tal-ġurnalista Maltija.
Iben Daphne sostna li r-Renju Unit irid jaħdem mal-komunità internazzjonali kontra l-kriminalità organizzata li sostna li ħadet f’idejha lil Malta u eliminat waħda mill-aktar ilħna indipendenti tal-pajjiż.
L-avveniment li kien immexxi mill-Membru Parlamentari Tom Blake. Preżenti kien hekk ukoll iben Daphne, flimkien ma’ Rebecca Vincent minn Reporters Without Borders u Maggie Murphy minn Transperancy International fost numru ta’ rappreżentanti minn organizzazzjonijiet differenti.
Id-diskussjoni waqt l-avveniment kienet tinvolvi l-importanza li ssir il-ġustizzja għall-assassinju filwaqt li saret talba sabiex ir-Renju Unit jieħu azzjonijiet akbar sabiex issir ġustizzja f’dan il-każ u jiġi indirizzat ukoll iċ-ċiklu ta’ vjolenza kontra l-ġurnalisti.
Vincent spjegat kif sitt xhur wara l-assassinju, l-investigazzjonijiet wasslu għall-arrest ta’ biss ftit nies, u saħqet li ma sar l-ebda attentat biex jiġi identifikat min kien il-moħħ wara dan l-assassinju. Għal din ir-raġuni sostniet li l-ġustizzja ma saritx.
Katie Morri, ġurnalista ma’ ARTICLE 19 qalet li l-ħelsien tal-midja huwa valur importanti għad-drittijiet umani u jitlob il-protezzjoni tal-ġurnalisti u li ssir ġustizzja meta jkun hemm atti kriminali kontrihom.
Courtney Radsch mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, qalet li sakemm issir ġustizzja, l-impunita se tkompli tirrenja u se taffetwa mhux biss il-ħelsien tal-midja f’Malta iżda wkoll fl-Unjoni Ewropea u aktar.
Tkellmet ukoll il-President ta’ PEN International, Jennifer Clement, li qalet li PEN jinsabu nkwetati ferm fuq l-atteġjament tal-awtoritajiet Maltin fejn tidħol il-ħelsien tal-kelma fil-pajjiż. Sostnew li tilfu kull tip ta’ tama fl-indipendenza, imparzjalità u effittività fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista.
Ritratt: Rebecca Vincent