“Il-Ġustizzja ma għandhiex tkun ikkundizzjonata minn nies f’xi tip ta’ poter” – Il-Vigarju Ġenerali

Il-Vigarju Ġenerali, Monsinjur Joe Galea Curmi qal li l-ġustizzja ma għandhiex tħares lejn l-uċuħ jew inkella tkun ikkundizzjonata minn nies li għandhom xi tip ta’ poter. Fi ftit kliem “il-ġustizzja ma tinxtarax.”
Din kienet waħda mir-riflessjonjiet li silet il-Vigarju Ġenerali dalgħodu waqt Quddiesa fil-Bidu tas-Sena Forensi, fl-Oratorju tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann.
B’referenza għall-Kelma ta’ Alla li nqrat waqt il-Quddiesa, Monsinjur Galea Curmi spjega li s-sejħa ta’ Alla hi li “nimxu b’onestà u b’integrità u li dawn ikunu l-karrateristiċi li jiddistingwuna.”
Saħaq li dan huwa aktar importanti meta teżisti mentalità li l-ħażin mhux jekk tagħmlu, imma jekk tinqabad li għamiltu.
Hi l-mentalità li “jekk jirnexxilek taħbi l-ħażin li tagħmel, tixtri lil dak li jkun jew tipperswadih jgħawweġ il-ġustizzja…ma ġara xejn, bilkemm m’intix eroj” qal il-Vigarju Ġenerali, imma insista li filwaqt li wieħed jista’ jidħak bih innifsu, jew b’ħaddieħor, mhux se jidħak b’Alla.
“Problema kbira meta min hu responsabbli ta’ xi istituzzjoni fil-pajjiż ma jerfax ir-responsabbilità tiegħu jew tagħha”
B’referenza għall-istedina li għamel San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu, meta qal li “aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax għamilt il-ħażin,” ħeġġeġ lill-Imħallfin, Maġistrati u Avukati preżenti biex ma jibżgħux jerfgħu r-responsabbilità tagħhom, anke meta din tfisser it-tbatija u s-sagrifiċċju.
Iddeskriva bħala “problema kbira” meta min hu responsabbli ta’ xi instituzzjoni fil-pajjiż ma jerfax ir-responsabbilità tiegħu jew tagħha.
Monsinjur Galea Curmi qal li meta dan ma jseħħx, se jbatu ħafna nies li jħossuhom mingħajr protezzjoni.
Temm b’appell, biex anke dawk fil-Ġudikatura ma jħarsux lejn il-qima lil Alla bħala ostaku, imma bħala għajnuna, għax Alla jgħinhom jagħtu każ lin-nies u verament ikunu għas-servizz tagħhom.