“Il-ġustizzja, l-ekwità u l-ugwaljanza għandhom jitgawdew minn kulħadd” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Colerio Preca tkellmet dwar l-importanza tal-ġustizzja, l-ekwità u l-ugwaljanza fil-pajjiż li għandhom jitgawdew minn kulħadd.
F’diskors waqt it-tnedija tal-pubblikazzjoni “Id-Dritt” ippublikat mill-Għaqda Studenti tal-Liġi, il-President saħqet li “d-demokrazija m’għandiex kulur, u ma tħares lejn wiċċ ħadd.”
Hija ħeġġet lil-istudenti biex jaħdmu favur it-tisħiħ tad-demokrazija.
“Nemmen tassew, li bħala żgħażagħ u studenti tal-liġi, għandkom responsabbiltà u kontribut qawwi x’tagħtu, biex id-demokrazija u l-istituzzjonijiet demokratiċi f’pajjiżna, jkomplu jiġu żviluppati u jissaħħu,” saħqet il-President.
Il-President Coleiro Preca kompliet tgħid li d-demokrazija mhux xi ħaġa statika iżda għandha tiżviluppa skont il-valuri u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà li nkunu qed ngħixu fiha.
“Inħeġġiġkom biex bħala studenti, tagħmlu ħilitkom, biex tassiguraw li l-valuri demokratiċi tagħna, flimkien ma’ dawk tal-ġustizzja soċjali, jkunu mezz ta’ għaqda, u serħan tal-moħħ għall-poplu kollu tagħna,” kompliet tgħid il-President.
Kompliet tispjega li biex tkun effettiva, id-demokrazija għandu jkollha wkoll sens ta’ impenn, u ħsieb soċjali, kulturali u ambjentali.
Il-President tkellmet dwar il-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn ir-rispett lejn l-ambjent naturali, u dak mibni, u l-ħarsien, tal-kwalità tal-ħajja u tal-komunitajiet.
Għaddiet biex titkellem favur  id-drittijiet universali tal-bniedem, u fakkret lill-istudenti li meta dawn ikunu rrispettati, aċċessibbli għal kulħadd, u infurzati b’mod effettiv, is-soċjetà tkun aktar reżiljenti, inklussiva, ekwa, u ugwali.
“Nixtieq infakkar li, il-ġustizzja ambjentali hija, essenzjalment ukoll, kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali,” saħqet Coleiro Preca.
Temmet billi faħħret lil dawn l-istudenti għall-proattività tagħhom, u għas-sens ta’ ċittadinanza attiva tagħhom filwaqt li awguratilhom li jkunu denji tal-professjoni legali billi jfittxu dejjem il-ġustizzja b’mod olistiku.