Bonnici jagħti ‘daqqa’ lill-ġustizzja

Reżistenza

Il-moviment #Reżistenza reġa’ waħħal sinjal ieħor, li juri lil Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici jżomm maskla f’idu filwaqt li l-mara simbolu tal-ġustizzja qed taqa lura.

Fi stqarrija qal li issa l-pajjiż inqasam f’żewġ tribujiet aktar minn qatt qabel, fejn sostnew li r-rebbieħ jieħu kollox u jiggverna fl-interess esklussiv ta’ min jifforma parti minnu.

Irrimarkaw li Malta għandha nuqqas ta’ persuni li għandhom l-interess nazzjonali għal qalbhom u li jinsabu f’pożizzjonijiet sensittivi.

Fl-istqarrija spjegaw li ma kienx hemm raġuni leġittima li setgħet twassal sabiex tiġi aċċettata l-promozzjoni tal-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera għal Imħallef wara li f’Jannar tas-sena 2017, l-istess talba kienet ġiet irrifjutata mill-Kumitat dwar il-Ħatra tal-Ġudikanti.

Spjegaw li huwa evidenti li l-liġi qegħda tintuża sabiex jinkiser l-ispirtu tagħha stess f’każijiet fejn l-eżitu ma jkunx favorevoli għall-gvern u l-aġenti tiegħu. Irrimarkaw li issa “il-maskra waqgħet u l-wiċċ ta’ dan ir-reġim issa jista’ jarah kulħadd.”

Il-Gvern iħabbar ħatriet ġodda fil-Ġudikatura

Il-Gvern ta parir lill-President ta’ Malta biex taħtar tliet Imħallfin u tliet Maġistrati ġodda li kollha ġew approvati mill-Kumitat dwar il-Ħatra tal-Ġudikanti.

It-tliet Imħallfin ġodda jinkludu lill-Maġistrat Anzjan Dr Anthony J. Vella, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera u l-Maġistrat Grazio Mercieca.

It-tliet Maġistrati ġodda se jkunu Dr Rachel Montebello, Dr Simone Grech u Dr Astrid May Grima.

Dan se jwassal biex għall-ewwel darba fl-istorja legali tal-pajjiż ikun hemm maġġoranza assoluta ta’ nisa fil-Ġudikatura; 23 ġudikant mara mqabbel ma’ 22 ġudikant raġel. Sa ħames snin ilu, l-ammont ta’ nisa fil-Ġudikatura kien jammonta għal biss 35%.

Skont l-istqarrija, il-ħatriet il-ġodda wasslu għal ammont akbar ta’ ġudikanti, hekk kif meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, issa se jkun hemm żewġ Imħallfin iktar u żewġ Maġistrati iktar.