Il-ġurnata tal-Ħadd tilfet is-sinjifikat tagħha

“Hekk kif pjanta għandha bżonn ix-xemx u s-sustanzi biex tgħix, kull Kristjan jeħtieġ id-dawl tal-Ħadd u s-sustanza tal-Ewkaristija biex jgħix veru”, qal il-Papa Franġisku.
“Kif nistgħu ngħixu l-Vanġelu jekk ma jkollniex l-enerġija meħtieġa biex nagħmlu dan, liema enerġija tiġi Ħadd wara Ħadd mis-sors bla limitu tal-Ewkaristija?  Aħna ma mmorrux il-quddies biex nagħtu xi ħaġa lil Alla imma biex nirċievu minn għandu dak li verament għandna bżonn”, qal il-Papa f’waħda mill-udjenzi riċenti tiegħu.
Il-quddiesa tal-Ħadd hu l-ħin u l-post fejn l-Insara jirċievu l-grazzja u s-saħħa biex jibqgħu fidili għall-kelma ta’ Alla, jobdu l-kmandament li jħobbu lill-oħrajn u jagħtu xhieda awtentika u kredibbli tiegħu fid-dinja.
Fil-katekeżi tiegħu l-Papa wieġeb għad-domanda għaliex hu hekk importanti li wieħed jisma’ l-quddies il-Ħadd u mhux biżżejjed li jgħix ħajja tajba u jħobb lil ħaddieħor.
“Il-quddiesa tal-Ħadd mhix sempliċement obbligu. Aħna l-Insara għandna bżonn nieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd għax hu biss bil-grazzja t’Alla, bil-preżenza ħajja tiegħu fina u fostna, li nistgħu npoġġu fil-prattika l-kmandamenti tiegħu u allura nkunu xhieda veri tiegħu”, kompla l-Papa.
“X’tip ta’ Ħadd hu għan-Nisrani jekk ma jiltaqax ma’ Alla?” staqsa.
"Sfortunatament, f’ħafna pajjiżi sekularizzati, is-sinjifikat Kristjan tal-Ħadd intilef u m’għadux imdawwal mill-Ewkaristija u anqas ngħixuh bħala festa ferrieħa f’għaqda ma’ parruċċani oħra jew b’solidarjetà ma’ oħrajn. F’ħafna każi spiċċat ukoll l-importanza li l-Ħadd hu ġurnata ta’ mistrieħ li hu sinjal tad-dinjità li ngħixu bħala wlied Alla u mhux bħala skjavi" żied jgħid Papa Franġisku.
“Mingħajr Kristu, aħna kkundannati li nkunu dominati mill-għajja tal-ħajja ta’ kuljum u mill-inkwiet u l-biża’ ta’ għada.
Il-laqgħa tal-Ħadd ma’ Alla tagħtina s-saħħa li ngħixu llum b’kunfidenza u kuraġġ u nimxu 'l quddiem bit-tama”, temm jgħid il-Papa lill-mijiet ta’ pellegrini preżenti għall-udjenza.