Meta se tingħata l-ġurnata leave żejda?

Read in English.

Mal-bidu tas-sena l-ġdida, bosta persuni bdew igergru li l-ġurnata leave mwiegħda fil-baġit tal-2021 ma ngħatatx, imma dan peress li din se tibda tingħata mis-sena d-dieħla għax din is-sena, hemm biss tliet festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.

Din kienet ir-raba’ sena infila li fil-baġit tħabbret ġurnata oħra ta’ leave għall-ħaddiema minflok il-festi pubbliċi li jinzertaw is-Sibt jew il-Ħadd.

Fil-baġit imħabbar f’Ottubru li għadda, l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna spjega fil-Parlament li, “Se nkomplu nwettqu l-wegħda elettorali tagħna li nagħtu lura f’leave l-btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, festi pubbliċi li kienu ttieħdu lill-ħaddiema fi żmien amministrazzjoni preċedenti. Għaldaqstant, matul l-2021 il-ġranet tal-leave se jkunu għal darba oħra qed jiżdiedu b’ġurnata oħra. Din hija miżura oħra li se tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji kollha.”

Dan se jsir, iżda l-miżura se tiġi attwata fl-2022 peress li din is-sena f’Malta hawn tliet btajjel pubbliċi, bħal fis-sena 2020.

Is-sit elettroniku tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ Impjieg jispjega li b’effett mill-1 ta’ Jannar tal-2020, ħaddiem b’40 siegħa xogħol fil-ġimgħa kien intitolat għal 216-il siegħa ta’ leave mħallas fis-sena, jew 27 ġurnata xogħol, jiġifieri 192 siegħa intitolati bħala leave, u 24 siegħa minflok it-tliet festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.

It-tagħrif fis-sit ikompli jispjega li peress li din is-sena, imbagħad, hemm tliet btajjel pubbliċi li jinzertaw is-Sibt jew il-Ħadd, din is-sena hemm l-istess ammont ta’ ġranet ta’ leave, mentri l-ġurnata żejda tiġi fl-2022, peress li dik is-sena hemm erba’ btajjel pubbliċi s-Sibt jew il-Ħadd.

Għalhekk, fl-2022, l-impjegati se jkollhom 224 siegħa ta’ leave mħallas fis-sena, jiġifieri 192 siegħa li huma intitolati għalihom, u 32 siegħa minflok l-erba’ festi pubbliċi li jkunu fi tmiem il-ġimgħa.

Fl-2023, imbagħad, dan l-ammont jonqos peress li hemm żewġ festi pubbliċi biss is-Sibt jew il-Ħadd, li jissarrfu f’16-il siegħa leave żejda, u għalhekk, b’kollox, l-impjegati jkollhom 208 sigħat leave fis-sena.

Taqbel ma’ din il-miżura?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt