Il-ġurnaliżmu xogħol diffiċli li sar ‘ħafna, ħafna aktar importanti’

Read in English.

Ix-xogħol ta’ ġurnalist kien u jibqa’ wieħed diffiċli, però il-pandemija tal-Covid-19 u żviluppi riċenti oħra għamluh ukoll ħafna aktar importanti milli kien, insista Fr Joe Borg nhar it-Tnejn.

Fr Borg, li hu ċ-chairman tal-bord editorjali ta’ Newsbook.com.mt, kien qed jipparteċipa f’diskussjoni flimkien mal-editor-in-chief – u president tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin – Sylvana Debono fuq 103 Malta’s Heart, ippreżentata minn Jes Saliba. Id-diskussjoni saret fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali ddedikat biex tintemm l-impunità għar-reati mwettqa fuq il-ġurnalisti.

Il-qtil ta’ ġurnalista – Daphne Caruana Galizia – kien ixxukkja lil Malta fl-2017, imma Debono fakkret li min irid ixekkel ix-xogħol tal-ġurnalisti jista’ jimmira li joqtol “l-opportunità biex ixandar kliemu.” Fakkret fil-każi magħrufa bħala SLAPP, li jkunu immirati mhux biex jintrebħu iżda biex iġiegħlu lil ġurnalisti jonfqu ħafna flus biex jiddefendu ruħhom.

Dan il-jum, żiedet tgħid Debono, għandu jiġi mfakkar mhux biss mill-ġurnalisti imma minn kull min jgħożż il-verità, anke fejn ikun hemm min iridha tibqa’ mistura.

Social media jġibu opportunitajiet ġodda u theddid

Fr Borg spjega li s-social media joffru numru ta’ possibilitajiet lill-ġurnalisti, anke għax saru sors importanti għall-aħbarijiet. Però fl-istess ħin, saru wkoll post fejn il-ġurnalisti jiġu mhedda.

I-elezzjoni ta’ Trump bħala President tal-Istati Uniti kienet ukoll żvilupp negattiv ħafna, minħabba l-attakki kontinwi li jħobb jagħmel fuq il-media. Meta l-president tal-aktar pajjiż b’saħħtu fid-dinja jattakka l-media b’dan il-mod goff, jgħin isaħħaħ attakki oħra kontra l-ġurnaliżmu, żied jgħid Fr Borg.

F’dan l-isfond, il-ġurnaliżmu sar “ħafna, ħafna aktar importanti,” milli kien.

Fakkar li f’dawn iż-żminijiet hemm ħafna informazzjoni ddur, u li ħafna minnha tista’ tkun ivvintata. B’riżultat ta’ dan, “ix-xogħol ta’ ġurnalist serju sar essenzjali.”

Kulħadd japprezza il-ġurnalist li joħroġ il-verità

Mistoqsija fuq jekk il-ġurnaliżmu hux apprezzat mill-udjenzi, Debono stqarret li mistoqsija diffiċli tirrispondiha, iżda nsistiet li min jikkonkludi li l-media mhux fdati minn fuq stħarriġ Ewropej mhux qed jara l-istampa kollha.

Qalet li kulħadd japprezza meta ġurnalist joħroġ affarijiet mistura, speċjalment meta jkun hemm min ikollu interess iżommhom mistura.

Osservat li bis-saħħa tat-teknoloġija, kulħadd jista’ jagħmilha ta’ġurnalist, iżda qalet li mhux biżżejjed li kemm tieħu ritratt u tkun l-ewwel li ttella’ xi ħaġa u ġġib il-clicks. Fakkret fl-importanza ta’ valuri ġurnalistiċi u etika.

“Il-clicks huma importanti għal kull min jaħdem fil-media… imma jekk inġib storja biss għalhekk, hemm qed tkun litteralment mixtri mill-clicks,” qalet Debono.

Fr Borg tkellem fuq il-valuri li tħaddan Newsbook.com.mt, u qal li n-newsroom timmira li tkun preċiża u eżatta biex tiġi fdata mill-udjenza tagħha.

Qal ukoll li tixtieq tippromwovi sens ta’ fairness u ta’ ġustizzja soċjali, u li tagħti leħen lil min m’għandux, bħall-fqar u l-imwarrbin.

“Din hija missjoni kbira,” stqarr Fr Borg. “Nittama li qed nirnexxu aktar milli le.”