Il-ġurnalisti Maltin qed jiġu mhedda kuljum – IĠM

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li l-ġurnalisti f’Malta qed jiġu mhedda kuljum.

Fi stqarrija fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ħelsien tal-Midja l-IĠM qal li jekk wieħed jifli l-kummenti li jkun hemm fuq il-midja soċjali wieħed jinnota t-theddid u l-ibbuljar li jsir kontra l-ġurnalisti. Qal li dan mhux aċċettabli.

L-IĠM sejjaħħ lill-awtoritajiet u lill-politiċi biex jukkundannaw retorika kontra l-midja.

L-istitut ikkritika wkoll lill-PM Robert Abela li nhar il-Ġimgħa waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li kien japprezza li kieku l-ġurnalisti jistaqsuh biss dwar is-suġġett tal-konferenza u biex ma jitkellmux dwar l-immigrazzjoni. L-IĠM qal lil Abela li dan mhux aċċettabbli u spjegat li l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti qatt ma jistgħu jiġu ristretti għal xi suġġett jew ieħor.

L-IĠM faħħar l-inizjattiva tal-Kap tal-PN Adrian Delia li aċċetta li jiġi intervistat minn għadd ta’ kmamar tal-midja differenti. L-IĠM ħeġġeġ lil Abela biex jagħmel l-istess u biex jorganizza konferenza tal-aħbarijeit kull ġimgħa li fiha jistgħu jsiru l-mistoqsijiet mill-ġurnalisti.

L-IĠM qal ukoll li mill-inkjesta pubblika li qed issir dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġie żvelat il-falliment tal-awtoritajiet li jaġixxu fuq rapporti ta’ koruzzjoni. L-IĠM sellem il-memorja ta’ Caruana Galizia u qal li għadu qed jistenna ġustizzja fil-każ tagħha.

Malta kompliet sejra lura fl-indiċi tal-ħelsien tal-midja tal-RSF għar-raba’ sena konsekuttiva. L-għaqda Reporters Without Borders (RSF) ippubblikat l-indiċi annwali tagħha li jkopri 180 pajjiż. Din is-sena Malta kklassifikat fil-81 post – l-agħar riżultat li qatt kisbet minn kemm ilha tiġi kklassifat fl-indiċi fl-2013. Mis-sena l-oħra l’hawn Malta waqgħet erba’ postijiet.

Il-PN jirrikonoxxi l-ħidma tal-ġurnalisti bħala ħidma fundamentali f’demokrazija

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li f’Malta fadal ħafna xi jsir biex jiġi assigurat il-ġurnaliżmu ħieles minn kull xkiel.

L-istqarrija ġiet iffirmata mill-MP Therese Comodini Cachia.

“Irridu nsibu mezz kif nipproteġu lill-ġurnalisti mill-vjolenza u nsaħħu l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni. Irridu nagħtu l-għodda lil ġurnalisti u lil media houses li jimpjegawhom. Issa aktar minn qatt qabel, il-ġurnaliżmu qiegħed jikkumbatti l-informazzjoni inveritiera f’ċirkostanzi li komplew jherru l-introjtu tal-media houses,” qal il-PN.

Il-PN tenna l-appell tiegħu biex jiġi stabbilit fond li jissussidja l-waqfien ta’ tim ta’ fact-checking li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-kmamar tal-aħbarijiet kollha.

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu l-Partit Laburista kien għadu ma bagħatx stqarrijiet dwar il-Jum għall-Ħelsien tal-Midja.

Rikonoxximent għal Caruana Galizia u għal Caroline Muscat mill-Istati Uniti

L-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta fakkret fil-memorja ta’ Caruana Galizia. Tat ukoll il-premju tal-Mara tal-Qlubija lill-ġurnalista Caroline Muscat minn The Shift.

Chargé d'Affaires Mark A. Schapiro Delivers a Message on World Press Freedom Day

Today is #WorldPressFreedomDay – an occasion to pay tribute to the fundamental principles of a free and independent media. To commemorate this day, our Chargé d'Affaires Mark A. Schapiro delivered a message to remember and honor Daphne Caruana Galizia, and to present our Woman of Courage Award to another brave investigative journalist, Caroline Muscat – congratulations!

Posted by U.S. Embassy Valletta, Malta on Sunday, May 3, 2020