Il-ġurnalisti jitilqu mill-Fondazzjoni Fenech

Read in English.

Il-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin informa lill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu li qed jissospendi liż-żewġ rappreżentanti tiegħu mill-Bord tat-Trustess tal-istess Fondazzjoni.

Fi stqarrija, il-Kunsill qal li din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-aħħar żviluppi li seħħew fil-pajjiż, fejn membru prominenti tal-familja li tiffinanzja din il-Fondazzjoni, kien arrestat b’rabta mal-investigazzjonijiet tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-IĠM stqarr li ma għandux jibqa’ assoċjat mal-imsemmija Fondazzjoni, sakemm isem Yorgen Fenech jibqa’ taħt id-dell li ntefa’ fuqu bl-arrest tiegħu mill-Pulizija.

Il-Kunsill informa lill-Fondazzjoni b’din id-deċiżjoni u rringrazzjaha tal-kollaborazzjoni u x-xogħol siewi li wettqet fl-imgħoddi fil-qasam tal-ġurnaliżmu f’Malta.