Il-ġurnalisti jikxfu l-iskandli u l-Pulizija tgħattihom – Repubblika

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

L-għaqda Repubblika qalet li filwaqt li l-ġurnalisti qed jikxfu l-iskandli kbar il-Pulizija tgħażel li tħares in-naħa l-oħra jew saħansitra qed tgħatti lill-politiċi korrotti.

F’ittra li bgħatet ilbieraħ Repubblika lill-Prim Ministru Robert Abela hi appellatlu biex jaħtar team konġunt bejn il-Europol u l-Pulizija Maltija sabiex jinvestiga l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-korruzzjoni marbuta magħha.

“Il-ġurnalisti, bir-riżorsi limitati li għandhom, qed jiskopru skandli kbar waqt li huwa ċar li jew il-Pulizija għażlet li tħares in-naħa l-oħra jew saħansitra qed tgħatti lill-politiċi korrotti.”

“Huwa evidenti li numru ta’ uffiċjali għolja tal-Pulizija Maltija huma kompromessi,” qalet Repubblika.

L-għaqda qalet lil Abela biex jara li l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-korruzzjoni marbuta miegħu ikunu investigati bis-serjetà u sal-qiegħ minn team konġunt tal-Europol u l-Pulizija Maltija.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li jaqbel mal-Prim Ministru Robert Abela li min kien politikament responsabbli dwar l-allegazzjonijiet li ħarġu lbieraħ għandu jagħmel pass minn jeddu. Żied jgħid li nkella jkollu jieħu azzjoni Abela bħala PM.