Il-Pulizija qed tinvestiga l-offerta ta’ flus lil ġurnalist mill-avukati ta’ Yorgen

Aġġornat 11:23 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-offerta ta’ flus tal-avukati ta’ Yorgen Fenech lill-ġurnalist Ivan Martin tat-Times of Malta.

Dan ġie kkonfermat mill-Pulizija ma’ Newsbook.com.mt, iżda ma ngħatawx aktar dettalji.

L-Avukat Gianluca Caruana Curran offra ammont ta’ flus – numru żgħir ta’ karti tal-€500 – lil Martin f’laqgħa li kellhom nhar it-Tnejn. Martin irrifjuta l-flus, u qal li Caruana Curran qallu li offra l-flus għax ma kienx jaf kif għandu jimxi ma’ ġurnalist.

Jiċħdu l-allegazzjoni bil-qawwa imma ma jiċħdux li ppruvaw jgħaddu l-flus

L-avukati ta’ Fenech ma jiċħdux li offrew il-flus lill-ġurnalist, iżda jinsistu li dan qarraq bihom billi wera li kien lest li jgħinhom jiġġieldu kontra rapurtaġġ negattiv.

Fi stqarrija fejn ammetta li offra l-flus, Caruana Curran ċaħad li għamel dan bi skop ta’ tixħim: insista li l-ġurnalist ta x’jifhem li offra s-servizzi tiegħu biex jgħin jiġġieled ir-rappurtaġġ negattiv fuq Fenech. Il-Kamra tal-Avukati, min-naħa tagħha, fetħet investigazzjoni fuq il-każ.

It-tim tad-Difiża – Caruana Curran, Charles Mercieca u Marion Camilleri, insistew li r-rapport tat-Times of Malta kien attakk fuq l-etika tagħhom li seta’ jimmina x-xogħol tagħha biex tiddefendi lil Fenech.

Insistew wkoll li l-verżjoni tal-gazzetta bl-ebda mod ma turi kuntest ta’ kif saret l-offerta tal-flus.

“Caruana Curran m’offriex spontanjament li jagħti flus lil Martin mingħajr offerta ta’ servizzi professjonali,” qalu l-avukati. “Martin (u preżumibbilment it-Times of Malta) jafu sew li Caruana Curran kien qed jirrispondi, kif ikollha tagħmel id-Difiża, għal offerta ta’ għajnuna.”

Martin “ħa vantaġġ mill-obbligi etiċi tagħna billi jippoża ta’ investigatur interessat li jgħin il-klijent tagħna,” skont id-Difiża. “Ġejna assigurati li dawn is-servizzi se jgħinu jikxfu l-innoċenza tal-klijent tagħna. Naturalment, ma stennejniex li se jgħinna mingħajr ħlas.”

L-avukati qalu wkoll li jiddispjaċihom fuq kollox tal-attentat biex issir ħsara lir-reputazzjoni tad-Difiża, b’mod li jimmina l-proċess kontra Fenech. Insistew li d-Difiża kellha l-obbligu li tagħmel xogħolha sew, u dan jinkludi l-ingaġġ ta’ esperti.

Ikkonkludew li d-Difiża tixtieq li t-Times “tieqaf milli tirrepeti dawn l-allegazjonijiet inġusti u foloz,” u li jilqgħu l-investigazzjonijiet li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin mistenni jagħmel.

Ma stajniex nibqgħu kwieti – it-Times

Fl-editorjal tagħha llum, it-Times of Malta qalet li ma setgħetx tibqa’ kwieta quddiem każ serju bħal dan, u fakkret li hemm żewġ modi biex tagħlaq ħalq ġurnalist li qed ifittex il-verità: tixtrih jew toqtlu.

Innutat li Caruana Curran ma ċaħadx l-offerta tal-flus, bl-iskuża li Martin kien għadu ma kkonfermax li jaħdem full-time mal-gazzetta. Din l-ispjegazzjoni ma titwemminx, skont l-editorjal, peress li Martin ilu jirrapporta fuq dan il-każ u ħafna oħrajn.

“Ma stajniex nibqgħu kwieti u nagħmlu tabirruħna li dan l-inċident ma ġarax,” qalet it-Times. “Dan mhu xejn għajr attentat spreġjevoli biex jikkomprometti ġurnalist indipendenti.”

Fakkret li f’sitwazzjoni fejn ħafna nies ta’ poter jaċċettaw rigali, il-ġurnalisti jridu jibqgħu jirsistu fl-isfond ta’ riskji kbar, u wissiet li min jaqa’ għat-tentazzjoni li “jagħżel flus korrotti fuq ir-reputazzjoni tagħhom u l-ġid komuni” li ma jistgħux jistaħbew għal-dejjem.

Il-PN u l-PL jirreaġixxu

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ filgħaxija, il-Partit Laburista qal li din kwistjoni ta’ tħassib kbir u attentat serju fuq l-imminar tad-demokrazija.

Il-Partit Laburista qal li jilqa’ l-investigazzjoni tal-Kamra tal-Avukati u qal li beħsiebu jkompli jiddefendi l-libertà tal-kelma u jipproteġi lill-ġurnalisti fil-qadi ta’ dmirijiethom.

L-Oppożizzjoni ħarġet stqarrija dalgħodu li fiha kkundannat l-aġir tal-avukat. L-istqarrija, iffirmata mid-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, li hija l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Midja, tgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jappoġġja l-ġurnaliżmu ta’ kwalità, u jikkundanna l-attentat ta’ tixħim ta’ ġurnalist.

Dr Comodini Cachia, li tirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia parte civile, kitbet ukoll li l-ġurnalisti jaffaċċjaw diversi ostakli f’Malta, inkluż ibbuljar u theddid minn SLAPP. Saħqet li jeħtieġ li tittieħed azzjoni b’mod urġenti biex il-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet ikunu protetti.

“Filwaqt li hi xi ħaġa pożittiva li l-Kamra tal-Avukati sejħet għal investigazzjoni, il-Parlament irid jaġixxi biex jiżgura li l-ġurnalisti u l-midja indipendenti jissaħħu u jkunu protetti.” L-Oppożizzjoni beħsiebha tkompli tissielet għal dan.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza