“Il-ġurnalist hu l-garanzija ta’ informazzjoni korretta, awtentika u tempestiva”

Il-Papa Franġisku t-Tnejn li għadda fakkar lill-ġurnalist Taljan Biagio Agnes u ddeskrivieh bħala “wieħed mill-aqwa ġurnalisti Taljani, difensur tas-servizz pubbliku li spiss tkellem dwar ir-rwol tal-ġurnalist bħala l-garanti ta’ informazzjoni korretta, ta’ min joqgħod fuqha, awtentika u tempestiva”.
Il-Papa għamel dawn il-kummenti meta ltaqa’ fil-Vatikan ma’ delegazzjoni tal-“Premju Internazzjonali tal-Ġurnaliżmu – Biagio Agnes li din is-sena ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni tiegħu se ssir f’Sorrenta bejn it-22 u l-24 ta’ dan ix-xahar.
Il-Papa Franġisku enfasizza r-responsabbiltà tal-ġurnalisti li jiffurmaw l-opinjoni tan-nies u għaraf li hemm sfidi li qed tippreżenta t-teknoloġija li qed tevolvi kontinwament u li tolqot il-ħeffa tal-komunikazzjoni.
Fi żmien meta l-“fake news” sar theddida ewlenija fl-arena pubblika, il-Papa insista fuq tliet elementi li qal huma essenzjali għall-ġurnaliżmu solida: il-verità, it-tama u l-periferiji. Ħafna drabi l-qalba tal-produzzjoni tal-aħbarijiet issibha f’ċentri kbar iżda dan ma għandu qatt inessina l-istejjer tan-nies li qed jgħixu fil-periferiji.
Il-verità:  ilkoll nafu li ġurnalista hu mistenni jikteb dak li jaħseb, dak li jikkorispondi mal-fehma infurmata u responsabbli tiegħu dwar xi ġrajja.  Illum fejn kollox hu mgħaġġel, nappellaw biex il-ġurnalist jagħmel riċerka serja, jikkompara u jekk hemm bżonn jibqa’ sieket flok ma jagħmel ħsara lil xi ħadd jew xi grupp b’dak li jikteb li ma jkunx il-verità.
It-tama: ma jfissirx li għandna npinġu dinja bla problemi għax din tkun illużjoni. Ifisser li għandna niftħu spazji ta’ tama filwaqt li nikxfu sitwazzjonijiet degradanti li jwasslu għad-disperazzjoni.