​“Il-ġurnalist għandu missjoni li jwassal aħbar tajba”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech saħaq li l-ġurnalist għandu missjoni li jwassal aħbar tajba.
Waqt l-omelija fil-quddiesa għall-ġurnalisti Għawdxin fil-Knisja tas-Sorijiet Franġiskani fil-Belt Victoria, l-Isqof fakkar fl-istedina ta’ Ġesù lill-Appostli biex immorru fid-dinja kollha u jxandru l-bxara t-tajba, “liema stedina hi miftuħa għall-insara kollha.”
Semma li hu minnu li fost il-ġurnalisti hemm dawk li ħsiebhom biss biex iwasslu l-aħbar il-kerha. Spjega li għalkemm għandna nkunu nafu bil-kronaka s-sewda, din trid tistimula lill-ġurnalisti biex jagħmlu xi ħaġa biex jegħlbu n-negattiv bit-tajjeb. 
L-Isqof saħaq li meta l-ġurnaliżmu jirrapporta aħbar negattiva, forsi wkoll b’mod sensazzjonali u jieqaf hemm, “minflok jaqdi lis-soċjetà jkun qed jinqeda bid-dgħufija tal-bniedem għal skopijiet ulterjuri.”
Fid-dawl tal-Ġublew tal-Ħniena, Mons. Grech appella lil dawk kollha fil-midja, speċjalment lill-ġurnalisti ta’ ispirazzjoni Kattolika, biex jinqdew bl-għodod qawwija biex jippromwovu l-miżerikordja fis-soċjetà.
Appellalhom ukoll biex jippruvaw jagħtu tama lil min m’għandux, ikunu solidali u jimbuttaw ‘il quddiem il-kawża ġusta ta’ dawk li m’għandhomx saħħa biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom.
L-Isqof Grech saħaq li hu importanti li l-ġurnalisti joħorġu t-tbatija, il-frustrazzjoni u l-inġustizzja li ma tidhirx, kif ukoll li joħolqu kuxjenza soċjali, b’mod partikolari dwar dawk li d-dinjità tagħhom tiġi mkasbra.
Żied jgħid li mhux il-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha jagħtu vuċi lil dawk li m’għandhomx, għax f’xi każi l-ġurnaliżmu hu għodda f’idejn min għandu l-flus u l-poter, li jkollhom ukoll aġenda partikolari.   
Ritratti: Joe Grech