Aġġornata: “Il-Ġimgħa int f’ambulanza u s-Sibt jien ġo karru tal-mejtin” – il-vittma lil ommha

Grupp ta’ ġurati llum beda l-proċess fil-qorti sabiex jiddeċiedu jekk raġel akkużat li faga lis-sieħba tiegħu f’appartament f’Raħal Ġdid f’Settembru li għadda kienx mentalment stabbli meta wettaq dan. Charles Mercieca mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-ġurati jridu jaraw li ssir ġustizzja mal-mara maqtula li tilfet leħinha meta nqatlet.

Aqra: Jintbagħat Monte Karmeli r-raġel akkużat bil-qtil ta’ Maria Lourdes Agius

Ir-raġel ta’ 28 sena mill-Kosta tal-Avorju hu akkużat li qatel lil Maria Lourdes Agius f’Settembru li għadda. Agius kellha 35 sena u għandha sebat itfal, ħamsa minnhom ta’ dak li allegatament qatilha.

L-akkużat qal fil-qorti f’April li għadda li ma kienx stabbli mentalment meta qatilha, u għalhekk ġiet sospiża l-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontrih, u hu ntbagħat fl-Isptar Monte Karmeli. L-Avukat Ġenerali kkontesta dak li qal l-akkużat, u dan wassal biex illum jibda ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li għalih intgħażlu 11-il persuna, seba’ nisa u erba’ rġiel biex jiddeċiedu huma x’għandu jsir.

Aqra: Aġġornata: Mara mejta f’Raħal Ġdid

Charles Mercieca mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali indirizza lill-ġuri fil-bidu tas-seduta, u qal li l-Prosekuzzjoni ma kinitx preżenti b’kapriċċ, imma għax qed tiġi kkontestata d-dikjarazzjoni tar-raġel dwar is-saħħa mentali tiegħu. Appella lill-ġuri biex tara li ssir ġustizzja mal-mara li leħinha ma jistax jinstema’. Kompla jgħid li huma qegħdin jgħidu li hu kien stabbli mentalment meta ħadilha ħajjitha.

Aqra: Qtil f’Raħal Ġdid: Jgħid li mhux ħati

Ir-raġel innifsu kien mar l-għassa tal-pulizija fil-15 ta’ Settembru biex jirrapporta li l-mara ma bdietx tqum mill-irqad. Il-pulizija kienu sabu ġisimha mejjet fis-sodda.

Mercieca qal ukoll li wieħed jista’ jkun mentalment instabbli medikalment, iżda mhux legalment, peress li f’qorti tal-ġustizzja, il-ġenn ifisser it-telfien tal-kapaċità li wieħed jifhem u jkun jaf id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin. Qal ukoll li Agius ma kinitx ma’ raġel miġnun u ma kellhiex tfal ma’ raġel miġnun, iżda ma’ raġel li kien jaf li kien qed iwettaq qtil. Mercieca semma wkoll li l-akkużat stenna sa filgħodu biex imur jgħid lill-pulizija li hi “ma setgħetx tqum.”

Aqra: Qtil f’Raħal Ġdid: Jumejn qabel laqqtet xebgħa bis-sieq u b’siġġu

L-Ispettur Sarah Zerafa, stazzjonata fl-għassa ta’ Raħal Ġdid, qalet li fil-ħin tal-allegat qtil, il-mara kienet la ġenba fuq is-sodda, tħares lejn il-ħajt, bi driegħ minnhom fuq wiċċha u għonqha. Tabib tal-forensika qal li mad-daqqa t’għajn, deher li l-mara mietet mewta naturali, imma meta tniżżlitilha idha, kien hemm grif madwar ħalqa u marki fuq għonqha li wrew mod ieħor. L-uffiċjal tal-pulizija kienet preżenti wkoll fl-awtopsja meta ħareġ li l-mara kienet mietet għax ġiet fgata.

Iżda, f’interrogazzjoni wara, is-sieħeb tal-vittma u s-suspettat ewlieni, ripetutament ċaħad li qatilha, u qal, “Ma nafx,” meta l-pulizija staqsewh fuq il-ġrieħi li kellha l-mara.

Il-ġuri kompla mbagħad bix-xhieda ta’ omm il-vittma.

Tixhed omm il-vittma

Mary Agius, omm il-vittma li kienet toqgħod mal-koppja f’Raħal Ġdid, iddeskriviet ir-relazzjoni tagħhom bħala waħda li bdiet sejra lura u qalet li kien hemm mumenti vjolenti wkoll. Dan qalitu hi u tixhed it-Tnejn waranofsinhar.

Il-mara, li dehret emozzjonata, qalet li jekk kien imdejjaq magħha, missu ħa lil uliedu u telaq. Hi u żżomm is-santa ta’ bintha ma’ qalbha, indirizzat lill-akkużat u qalet li taħfirlu, iżda ma rnexxilhiex tkompli s-sentenza.

Qalet li l-koppja kienu jikru flett fil-Qawra qabel ma marru joqogħdu f’Raħal Ġdid fl-appartament tal-familja. Qalet li bintha batiet ħafna f’ħajjitha, dejjem tipprova ssib missier għal uliedha, peress li kellha sebat itfal minn ħames irġiel differenti, u li tnejn minnhom kienu tal-akkużat.

L-omm spjegat li l-akkużat kien missier twajjeb u kien jieħu ħsieb it-tlett itfal li kienu joqogħdu magħhom. Żiedet tgħid iżda, li r-relazzjoni tal-koppja marret għall-agħar tul l-aħħar sena ta’ ħajjet bintha, meta ħafna drabi kien ikollhom argumenti vjolenti fuq flus u fuq il-fatt li l-eks sieħeb ta’ Maria Lourdes ġieli kien iżur lill-wild tiegħu fil-flett. Spjegat li hi kienet twissi lil bintha biex ma ddaħħlux għandhom peress li tibża’ mill-ġlied bejn l-irġiel.

Qalet ukoll li kienet taqbiżlu meta bintha kienet tuża l-flus biex tagħmel xagħarha jew id-dwiefer, u dejjem insista li l-ewwel għandhom jużaw il-flus għat-tfal u għad-dar, imbagħad għalihom infushom.

Irrakkuntat kif darba minnhom, hi ndaħlet f’argument bejniethom u l-akkużat taha daqqa ta’ ponn f’rasha u tefa’ siġġu lejn dahar Maria Lourdes. Qalet li tiftakar lil bintha tgħidilha: “Il-Ġimgħa int f’ambulanza u s-Sibt jien ġo karru tal-mejtin.” Qalet li barra minn hekk, ftit xhur qabel, bintha kienet spiċċat fl-ITU f’kundizzjoni kritika, ftit wara li welldet l-aħħar wild tagħha. Wara li ġara dan, l-akkużat kien keċċa lil omm Maria Lourdes mill-flett. Hi ttieħdet l-isptar fejn fetħet qalbha ma’ tabib u qaltlu bit-theddid.

Kienu għamlu rapport lill-pulizija u kienu ġew avżati jċemplu għall-għajnuna jekk jerġa’ jitfaċċa l-akkużat. Fil-qorti, l-omm irrakkuntat x’ġara fis-sigħat qabel il-qtil, meta l-akkużat irritorna fil-flett u insista li jara lil ibnu. Bintha m’obdietx lil ommha u ħallietu jidħol. L-għada filgħodu, l-akkużat qalilha, “Xejn ma ġara, Lourdes marret tixtri.”

Hija marret fil-kamra tas-sodda fejn kien hemm bintha taħt il-lożor. Meta misset sieq bintha, intebħet li kienet mejta, u qaltilha li tħobbha b’ton baxx. Qalet li ftit wara, waslu l-pulizija.

Il-mara semmiet ukoll kif xi tliet ġimgħat qabel il-qtil, kienet rat pupa maħruq fuq il-bejt u sabet xemgħa mixgħula fit-taraġ, u ħasbet li dawn kienu għal żewġha li kien miet, imma mbagħad issuspettat li dan jaf kellu implikazzjonijiet tal-użu tal-Ouija board.

Meta l-omm kienet fetħet qalbha ma’ qassis, hu qalilha biex tgħid lil Maria Lourdes tmur iżżuru minnufih peress li dan kien sinjal li se joqtol jew lilha jew lilu. Iżda bintha ma riditx tieħu l-parir tagħha, u l-omm qalet li forsi kieku għamlu hekk, bintha kienet tkun għadha ħajja.

L-omm qalet ukoll li sabet tlieta mis-snien ta’ bintha taħt tapit ħdejn is-sodda wara li telqu l-pulizija. Fis-seduta xehed ukoll ħu l-vittma li qal li argumenta mal-akkużat darba u ċempel lill-pulizija. Hu qal li ħass li r-raġel ma kienx ideali għal oħtu, imma żamm lura għax ma riedx jaqla’ inkwiet.

Il-ġuri jkompli għada.