Xeni ta’ qsim il-qalb minħabba l-ġuħ

F’Yirol, fis-Sudan, minkejja li hemm il-programm ewlieni tad-distribuzzjoni tal-ikel, l-effetti tal-ġuħ huma aktar evidenti. F’Juba teżisti l-istess problema, imma n-nies jilbsu ħwejjeġ li jaħbu l-figuri xipli taħthom. F’Yirol ix-xeni huma ta’ qsim il-qalb: in-nies huma rqaq ħafna, anki t-tfal jimxu bil-mod għax bla enerġija minħabba n-nuqqas ta’ ikel.
F’att ta’ disperazzjoni, in-nies qed imorru fil-foresti għall-ħaxix selvaġġ u l-weraq, li n-nisa jgħallu għal uliedhom minkejja li mhux wisq tajbin għall-ikel. Is-swieq, li ġeneralment f'dan iż-żmien tas-sena jkunu mimlija frott u ħxejjex, kważi m’għandhom xejn u n-nies ma jistgħux jixtru l-ftit li hemm għax għoli wisq.
“Jiena xhud tal-ġuħ u qatt ma hu faċli li tibghat lil xi ħadd lura b’xejn” qal Michael O'Riordan, maniġer tal-programm ta’ emerġenza għall-CAFOD (l-aġenzija uffiċjali għall-għajnuna tal-Knisja Kattolika fl-Ingilterra u Wales, u parti mill-Caritas Internazzjonali) ibbażata f’Juba. Skond O'Riordan, l-uniku mod biex tittratta sitwazzjoni bħal din hi li lin-nies tgħidilhom il-verità li m’għandekx biżżejjed, u taħdem magħhom biex jiġu identifikati dawk l-aktar fil-bżonn. Għalhekk mingħajr l-għajnuna internazzjonali n-nies imutu bil-ġuħ. 
Il-Caritas lokali, imsieħba tal-aġenziji Cafod u Trocaire, qed jitimgħu mat-12,000 ruħ f’Yirol. F’ Adior, ir-reġjun ġirien, 26,000 ruħ għandhom bżonn immedjat tal-ikel u tal-ilma nadif. Imma l-aġenziji jilħqu biss 1,000 dar għax m’hemmx biżżejjed provvista.
Skond Michael O'Riordan f’Yirol, fin-nofsinhar tas-Sudan, is-sitwazzjoni għall-familji sejra mill-ħażin għall-agħar.
Id-diżastru umanitarju f’dan ir-reġjun tal-Afrika se jiġi diskuss fil-programm Follow-up illum mill-4:30pm ’il quddiem. Sylvana Debono se tintervista lill-Monsinjur Joe Alessndro, l-Isoqf Malti ta’ Garissa fil-Kenja.