“Il-ġuħ joqtol aktar nies mill-AIDS, il-malarja u t-TB f’daqqa” – Missio

Missio Malta qalet li l-ġuħ joqtol aktar nies mill-AIDS, il-malarja u t-tuberkolożi mgħadudin f’daqqa. Dan qalitu fi stqarrija dwar Jum il-Ġuħ fid-Dinja li jaħbat kull 28 ta’ Mejju.

Ġew imsemmija bosta fatturi oħrajn dwar il-ġuħ li jinkludu li iktar minn 821 miljun persuna fid-dinja m’għandhomx biżżejjed ikel, 60% minnhom huma nisa, filwaqt li 98% ta’ dawk mhux nutriti jgħixu f’pajjiżi żviluppati.

Missio Malta qed taħdem sabiex flimkien mal-pubbliku ttemm il-ġuħ fid-dinja permezz ta’ għajnuniet li diġà jintbagħtu l-benefatturi u ta’ oħrajn ġodda, dawn il-persuni minn madwar id-dinja li jgħixu f’sitwazzjonijiet simili, qed jirċievu l-għajnuna li tant jeħtieġu.

L-għaqda spjegat li l-ġuħ u l-faqar huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ rabta ta’ ħafna kwistjonijiet li jinkludu opportunitajiet ta’ xogħol diċenti, saħħa, edukazzjoni, ġustizzja soċjali, drittijiet tan-nisa u l-bniet, l-ambjent u l-bidla fil-klima.

Ġie spjegat li bis-saħħa ta’ diversi għaqdiet u proġetti qed jintuża approċċ innovattiv u olistiku li jindirizza dawn il-kwistjonijiet kollha. Dan filwaqt li jagħti s-setgħa lil dawk il-persuni li jgħixu fil-ġuħ biex isiru l-aġenti tal-iżvilupp tagħhom stess u b’hekk jgħollu l-komunitajiet tagħhom ‘il fuq mil-linja tal-faqar darba għal dejjem.

Jekk tixtieq tgħin ċempel fuq 21236962 jew 20330015. Tista’ żżur is-sit www.missio.org.mt.