Il-ġuħ huwa reat kriminali – Il-Papa Franġisku

“Ilkoll Aħwa” huwa l-isem tal-enċiklika l-ġdida tal-Papa Franġisku. Imnebbħa kif qal hu stess mill-kliem ta’ San Franġisk, il-Papa ffirma din l-enċiklika fuq il-qabar tal-qassis f’Assisi. Din l-enċiklika hija miktuba fi stil li wieħed mhux biss faċli li jaqrah iżda wkoll li jinftiehem u jirrelata mal-ħajja ta’ kuljum.

Fuq What’s On Newsbook li jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq 103 Malta’s Heart, Fr Joe Borg tkellem dwar din l-enċiklika. Huwa semma kif il-Papa jwissi dwar dak li huwa ddeskriva bħala ‘sħab iswed’ li qed jiksi lid-dinja. Dan is-sħab li qed jirreferi għalih il-Papa Franġisku jissarraf fit-tgħawwiġ tal-kunċetti bażiċi bħalma huma d-demokrazija u l-ġustizzja, il-kultura tal-ħela, u l-iżbilanċ fid-drittijiet li jwassal għall-iskjavitù. Dan, qal il-Papa, qed iwassal għal ‘kultura ta’ ħitan’ li tgħin fit-tkattir tal-kriminalità organizzata.

Il-Papa Franġisku jagħmel interpretazzjoni mill-isbaħ tal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb u jgħid li l-bniedem huwa maħluq biex iħenn u li l-imħabba tibni l-pontijiet bejn il-bnedmin. Jisħaq fuq id-dritt li kulħadd jgħix b’dinjità, anke, jinsisti l-Papa, dak li jkun ikkundannat għall-mewt. Il-Papa jagħmel ukoll appell imqanqal kontra l-piena tal-mewt.