Il-ġugarelli Slime perikolużi għat-tfal

Ġugarelli popolari mat-tfal dan l-aħħar, magħrufa bħala slime, li qishom ġelatina li tiġġebbed, jidhru li fihom xi kimiċi perikolużi għat-tfal.

Skont il-grupp ta’ konsumaturi Which?, dawn il-kimiċi kapaċi jqabbdu lit-tfal dardir, remettar u anke problem bi msarinhom. Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lid-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq dwar dawn il-prodotti f’Malta.

Which? eżaminaw 11-il prodott ta’ slime fir-Renju Unit, u minnhom, sabu li 8 kellhom livell tal-kimika boron ogħla milli suppost. Il-livell tal-kimika fi prodott minnhom kienet 4 darbiet aktar mil-livell sigur ta’ 300mg/kg tal-Unjoni Ewropea.

Livelli eċċessivi tal-boron jistgħu jwasslu għal irritazzjoni, problemi bl-imsaren, remettar, u anke problemi ta’ fertilità , skont il-Kummissjoni Ewropea.

Il-prodotti li kellhom livell għoli ta’ boron kienu: Jupiter Juice (roża) ta’ Toysmith, Fluffy Slime (roża) ta’ CCINEE, Crystal Slime Magic Clay (roża) ta’ Cosoro Dodolu, Mini Bucket Putty (aħdar) ta’ Baker Ross, Slime Toy (vjola) ta’ iBase Toy, Fluffy Slime (blu) ta’ LOYO, Brezeh Free Slime Toy (oranġjo) ta’ Brezeh, u My Fluffy Slime (aħdar) ta’ Virtuotrade.

Dawn il-prodotti kollha jinbiegħu mill-Amazon.

Il-grupp Which? qed javża lill-ġenituri biex joqogħdu attenti meta jixtru minn dan il-prodott, u anke meta jippruvaw jagħmlu t-taħlita ta’ slime huma stess, minħabba li l-ingredjenti fihom din il-kimika.