Il-GUG tappela lill-Gvern jirrevedi l-“U-Turn” dwar il-fast ferry

Aġġornat 03:52 PM

Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) appella lill-Gvern biex jirrevedi dik li sejjħu bħala U-Turn dwar il-wiegħda ta’ fast ferry services bejn Malta u Għawdex.

Fi stqarrija, il-GUG esprimew “rabja u diżappunt” minħabba l-aħbar li t-tender il-ġdid għat-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex m’għandux jinkludi servizzi ta’ fast ferry. Qalu li l-Gvern għażel li jiffoka biss fuq trasport bil-baħar normali biex jakkomoda lit-turisti peress li fl-istqarrija tagħhom, il-GUG jikkwotaw dak li qal il-Ministru għat-Trasport Ian Borg fejn qal li t-trasport bil-baħar fil-Port il-Kbir u f’Marsamxett għandu jkun estiż.

Filwaqt li qalu li t-turiżmu huwa importanti għall-gżira, l-istudenti appellaw lill-Gvern biex ipoġġi l-interessi tar-residenti qabel dawk tat-turisti.

Fi stqarrija l-istudenti Għawdex qalu li l-fast ferry mhux biss kien se jipprovdi vjaġġi b’inqas ħin iżda kien ukoll se jtaffi mill-problema tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta kif ukoll kien ikun ta’ soluzzjoni għall-istudenti li ma jkunux jistgħu jħallsu kirja ta’ appartament f’Malta.

Il-pjan inbidel wara “riċerka neċessarja”  

F’reazzjoni għall-istqarrija tal-GUG Transport Malta qalet li dan is-servizz ġie magħżul wara li “r-riċerka neċessarja uriet li jkun aktar favorevoli minn servizz iżolat kif kien propost fil-passat bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta”.

Fi stqarrija TM qalet li s-servizz magħżul joffri aktar alternattivi, b’mod speċjali għal dawk l-Għawdxin li jkunu qegħdin jivvjaġġaw lejn Malta għall-ħajja ta’ kuljum, partikolarment l-istudenti nfushom.

TM żiedet tgħid li dan huwa servizz separat u distint minn servizzi oħra li numru ta’ operaturi jagħmlu madwar il-pajjiż, hafna drabi iżjed immirat għall-industrija turistika.

“Huwa ċar li dan is-servizz mhuwiex biss neċessarju, iżda ser iġib miegħu benefiċċji soċjali u ekonomiċi wkoll, b’mod speċjali għall-gżira ta’ Għawdex,” saħqet TM.

“Illum il-vapuri kollha fast” – il-Ministru għal Għawdex

Mistoqsi dwar it-tender il-ġdid u għalfejn il-Gvern ma nkludiex is-servizz ta’ fast ferry, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “llum il-vapuri huma kollha fast”. Iġġustifika dan billi qal li huwa tender miftuħ li jista’ japplika kulħadd mingħajr rekwiżiti partikolari ta’ x’vapuri jintużaw. Semma wkoll li l-proċess legali għat-tenders li ħarġu qabel ħadu fit-tul peress li kien hemm l-appelli.

Kien Newsbook.com.mt li fuq il-portal bl-Ingliż żvela kif l-operatur li jintgħażel, jingħata d-drittijiet esklussivi biex jopera mill-mollijiet elenkati. Skont riċeka ppubblikata fid-dokument ta’ Transport Malta, il-konċessjoni hija stmata li f’15-il sena tiġi tiswa €115 miljun.