Il-Gudjani ma jridux jiċċaħdu mill-veduta kawża tat-tkabbir tal-ajruport

Għadd ta’ residenti Gudjani u mhux biss, huma kontra l-proġett tal-estensjoni tal-ajruport hekk kif qed jgħidu le għall-iżvilupp li jgħatti l-panorama tar-raħal antik Gudjan.
Ħafna huma rrabbjati li l-proġett se joqtol għal kollox il-karatteristiċi tal-Gudja.  Fil-fatt, skont l-istudju dwar l-impatt ambjentali tal-proġett, l-aktar li se tmur minn taħt hi l-panorama hekk kif minħabba l-bini propost, se jinbidel l-ambjent ta’ madwar il-Gudja u Ħal Għaxaq.
Il-Malta International Airport qed tipproponi żvilupp kummerċjali kbir ta’ 130,000 metru kwadru ta’ art viċin l-ajruport.
Fil-proġett hemm imniżżel li se jinbnew tliet blokkijiet kbar ta’ seba’ sulari u se jkun fihom spazji għall-uffiċċji, għall-parkeġġ, għall-attivitajiet kummerċjali bħal showrooms kif ukoll lukanda ġdida fuq medda art ta’ 1,400 metru kwadru.
Dan apparti l-bini eżistenti ta' Skyparks li hemm fid-daħla tal-Gudja.
Jekk dan l-iżvilupp isir, il-bini propost se jkollu parti minnu quddiem il-fetħa li hemm quddiem il-kappella Medjevali ta' Santa Marija ta' Bir Miftuħ.
Din hi waħda mill-uniċi żewġ kappelli Medjevali li għad fadal f’Malta u li huma strutturi kompluti. L-iżvilupp jista' wkoll jolqot fdalijiet ta' katakombi li hemm viċin l-ajruport – il-katakombi ta' Ħal Resqun.
Fost il-kummenti tal-Gudjani hemm li “ma jistax ikun li kull roqgħa ħamrija trid tinbidel f'mostri tal-konkrit speċjalment fir-raħal antik tal-Gudja fejn għadu raħal mimli wirt storiku."
B’ton sarkastiku kien hemm min qal “Viva l-progress”.
Kumment ieħor jgħid li "l-Gudja, post storiku li ilu snin twal igawdi veduti pittoreski, b'daqqa ta' pinna se jintilef kollox." 
Minħabba l-kontroversja li qajjem dan il-proġett, il-Kunsill Lokali tal-Gudja sejjaħ lill-pubbliku biex jattendi għal-laqgħa urġenti bis-suġġett ikun l-estenzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. 
Il-laqgħa se ssir għada l-Erbgħa l-1 ta’ Ottubru fil-librerija pubblika tal-iskola primarja tal-Gudja.
Ritratt: Capture Me Photography